Żewġ aħwa ċkejknin mietu wara li ommhom intenzjonalment ħallithom fil-karozza għal aktar minn ħmistax-il siegħa.
Omm it-tfal, Amanda Hawkins ta’ 19-il sena qed tiġi mixlija li abbandunat it-tfal tagħha. Il-Pulizija spjegat li Hawkins u ħabib tagħha ta’ 16-il sena l-ewwel ħadu lit-tfal fiċ-ċentru Mediku ta’ Peterson f’Texas u ġew ċertifikati li kienu fil-periklu tal-mewt u ġew trasferiti fl-isptar tal-Università f’San Antonio.
Brynn Hawkins ta’ sena u Addyson Overgard-Eddy ta’ sentejn mietu f’dan l-isptar għall-ħabta tal-17.00. Is-suspetti bdew wara li Hawkins qalet lill-istaff tal-isptar li ftit tal-ħin qabel kienu ħdejn xmara fejn it-tfal kienu qed jilgħabu b’xi fjuri.
L-istorja tagħhom kienet li kienu dawn il-fjuri li vvalenaw lit-tfal. Iżda mill-investigazzjoni ħareġ li fil-verità t-tfal tħallew għal ħmistax-il siegħa fil-karozza sakemm ommhom flimkien mal-ħabib tagħha kienu qed jiddevertu f’residenza mal-ħbieb.
Minkejja li l-Pulizija ma ddikjaratx li t-tfal mietu kawża tas-sħana, qalu li dakinhar it-temperaturi kienu għoljin ħafna. Huwa mifhum li n-nies li jgħixu fil-viċinanzi semgħu lit-tfal jibku iżda ħadd ma mar jiċċekjahom.