Waqt li kien qed jiċċelebra t-tieġ ta’ ibnu l-kbir, iddeċieda li jirdoppja l-ferħ. Għalhekk ħabbar l-għerusija ta’ ibnu ieħor, li jismu Omar, u l-kuġina ta’ Omar, Gharam.
Fit-tieġ, li sar madwar 75 mil bogħod mill-kapitali Eġizzjana Kajr, ħadd ma sab xi ħaġa stramba jew ħażina fit-tħabbira tal-għerusija. Biss Omar għandu 12-il sena u Gharam 11. Mal-ġurnal lokali Al Watan, hemm min argumenta li din kienet biss tħabbira ta’ għerusija, u mhux żwieġ.
Infatti l-liġi Eġizzjana ma tippermettix li tfal ta’ taħt it-tmintax-il sena jkunu reġistrati għaż-żwieġ. Iżda hija ħaġa li xorta tiġri. Skont il-UNICEF, 17% tal-biet Eġizzjani jiżżewġu qabel ikollhom 18-il sena. Ħafna minn dawn iż-żwiġijiet iseħħu f’postijiet rurali.
Iżda l-każ ta’ Omar u Gharam donnu laqat xi ħaġa fis-sentimenti tal-Eġizzjani, partikolarment fost dawk li jisħqu fuq id-drittijiet tat-tfal u tan-nisa. Omar b’libsa blu u Gharam b’makeup qawwi ħafna, libsa bajda, takkuna u tiara – ir-ritratti tagħhom dehru fuq ħafna gazzetti Eġizzjani.
Reda Eldanbouki, il-kap ta’ ċentru li jħares id-drittijiet legali tan-nisa, irrapporta l-inċident lill-awtoritajiet tal-Gvern. Kiteb ukoll lill-Avukat Ġenerali sabiex jinvestiga u jżomm lill-ġenituri responsabbli għal dak li sejjaħlu ‘att kriminali’.