Oliver Scicluna inħatar Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur.
Fi stqarrija mill-Ministeru għall-Inklużjoni, intqal kif il-ħatra se tidħol fis-seħħ minn nhar l-Erbgħa 18 ta’ Mejju 2022.
Oliver Scicluna għandu esperjenza twila fil-qasam soċjali, hekk kif tul is-snin serva wkoll bħala l-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità.
Il-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia Portelli rringrazzjat lil Ruth Sciberras li serviet f’dan ir-rwol tul it-tliet snin li għaddew u awguratilha għall-proġett ġdid li se tkun fdata fih.
Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li tħares ’il quddiem għal aktar ħidma mal-Aġenzija Sapport favur Malta aktar inklussiva.