Olandiż fetaħ każ t’appell wara li aktar kmieni dan ix-xahar ġie ordnat iħallas għoxrin elf u u sitt mija u ħamsin ewro lil Gasan Mamo Insurance.
Il-kumpanija tal-assigurazzjoni fittxet lill-Olandiż Alexander Jan Edward Van Reeven wara li tmien snin ilu kien qed isuq il-karozza t’ommu u f’inċident ħabat f’żewġ karozzi pparkjati.
Minn investigazzjoni li kienet għamlet il-pulizija ħareġ li l-Olandiż kien qed isuq taħt l-influwenza tal-alkoħol u għalhekk wara li l-kumpanija tal-assigurazzjoni ħallset għad-danni li sofrew is-sidien tal-karozzi pparkjati, fittxet legalment lill-Olandiż.
Iżda l-avukati tal-Olandiż qed isostnu li fis-sentenza li tat l-ewwel Qorti preseduta mill-Imħallef Jacquiline Padovani Grima, jintqal b’mod ċar li l-Qorti ma kinitx sodisfatta bl-evidenza li ressqet il-kumpanija tal-assigurazzjoni.
L-avukati tal-Olandiż irrimarkaw li ma sarx breathalyser test eżatt wara l-inċident u b’hekk m’hemmx biżejjed evidenza dwar jekk il-klijent tagħhom kienx vera qed isuq taħt l-influwenza tal-alkoħol.