Olandiż ta’ 42 sena ġie arrestat b’rabta ma’ importazzjoni u traffikar ta’ disa’ kilos droga kokaina u eroina, bil-valur fis-suq hu stmat li jlaħħaq madwar €1.5 miljun.
Żvelat dan il-Pulizija fi stqarrija hekk kif spjegat li r-raġel kien arrestat wara xhur ta’ osservazzjoni u investigazzjoni mill-Iskwadra tal-Pulizija ta’ Kontra d-Droga. Dan fuq suspett li kien qiegħed idaħħal id-droga f’Malta u li kien qed jagħmel użu minn garaxx f’Santa Venera.
Fil-fatt, fl-aħħar sigħat, il-Pulizija segwew lir-raġel sakemm twaqqaf f’Ħal Qormi fejn fil-pussess tiegħu nstabu ħames kilos droga suspettata kokaina u erba’ kilos droga suspettata eroina.
Wara saret tfittxija fil-garaxx, fejn il-Pulizija sabet madwar €380,000 fi flus kontanti.
Intant aktar kmieni llum ukoll, l-Ispetturi Mark Mercieca u Justine Grech ressqu lill-Olandiż il-Oorti quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Elaine Mercieca fejn akkużawh b’assoċjazzjoni, importazzjoni, traffikar u pussess ta’ droga; kif ukoll b’ħasil ta’ flus fost oħrajn.
Huwa wieġeb mhux ħati u nżamm taħt arrest.