OkMalta.com huma ċ-Champions tal-Kampjonat BOV Premier tal-Bowling wara staġun dominanti li rahom jiksbu 16-il rebħa, draw u telfa waħda biss matul l-istaġun.
It-tim magħmul minn ħames irġiel, Mauro Anastasi, Dennis Mercieca, Kenneth Arpa, Rankin Camilleri, u ż-żagħżugħ Nicholas Muscat kellu staġun dominanti b’vantaġġ komdu fuq Team Brunswick li kiseb it-tieni post b’Team Boom jispiċċa fit-tielet tal-Kampjonat BOV Premier.
L-ogħla logħba scratch tal-istaġun marret għand Mauro Anastasi ta’ OkMalta b’287 pin bl-ogħla serje scratch tmur għand Miguel Xuereb ta’ Team Boom b’748. Il-veterana Sue Abela kellha l-ogħla scratch game u scratch series tan-nisa b’268 u 662 rispettivament.
Ernest Agius, Chief Operations Officer fi ħdan il-Bank of Valletta ppreżenta t-Trofew tal-BOV Premier League lil OkMalta.com fil-preżenza ta’ Edward Mifsud, President tal-Malta Bowling Association.
Il-Bank of Valletta huwa sostenitur ewlieni tal-inizjattivi sportivi f’Malta u jemmen bis-sħiħ fil-benefiċċju tal-isport għas-saħħa mentali permezz ta’ attivitajiet li jistgħu jgħinu biex jimmoderaw l-istress, itejbu l-burdata u jippromwovu s-soċjalizzazzjoni f’ambjent b’saħħtu.