Għal żmien l-Għid, il-lukandi tal-erba’ stillel f’pajjiżna qed jirrapurtaw okkupanza ta’ aktar minn 90% filwaqt li dawk b’ħames stillel qed jirrapurtaw rata ta’ 80%.
Dan tħabbar waqt preżentazzjoni mtella’ mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandiera u r-Ristoranti, il-Bank of Valletta u Deloitte, il-Ħamis wara nofsinhar.
Preżentazzjoni li ddiskuttiet l-andament turistiku fl-aħħar kwart tas-sena u li mill-ġdid ittellgħet wara nuqqas ta’ sentejn minħabba l-pandemija u l-effetti negattivi li ġabet magħha fuq is-settur.
Zahra tenna, “Ħa nieħdu l-ewwel ħaġa l-quarter li qed jirrapurtaw fuqu. L-ewwel kwart ta’ din is-sena bejn Jannar u Marzu fejn is-sitwazzjoni kienet spettakolari għaliex fit-2020 u fit-2021 ma kellna lil ħadd u issa għandna 45% occupancy li allura hija xi ħaġa li qed nieħdu gost ħafna biha.”
Is-Sur Zahra tenna wkoll il-previżjonijiet pożittivi li hemm għat-tieni kwart ta’ din is-sena u anke s-sajf.
Huwa qal, “Jekk nieħdu it-tieni kwart li għadu ġej u li allura hemm aspettattiva mhux konkreta, qed nistennew li jkollna 70% ta’ dak li kien hemm fl-2019. L-2019 hija l-aħjar sena li kellna fit-turiżmu.”
Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo kompla jsostni l-ħidma sfieqa tal-Gvern biex ikompli jirpilja dan is-settur tant importanti għall-pajjiżna.
Huwa rrimarka sfidi fis-swieq turistiċi li jolqtu lil pajjiżna fosthom anke minħabba l-gwerra fl-Ukrajna madankollu assigura li l-Gvern se jkomplu jkun ta’ spalla għall-imsieħba kollha fil-qasam.
Il-Ministru Bartolo saħaq, “Hekk kif qed naraw li jkompli jgħaddi l-irkupru turistu u ekonomiku ta’ pajjiżna Malta huwa l-ewwel pajjiż fid-dinja li ġie ċċertifikat mill-Forbes Travel Guide bħala safe destination fejn tidħol health and safety. Dan kollu jfisser li se nkomplu nibnu fuq riżultati pożittivi li ksibna sa issa.”