Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil isokta jiddefendi lid-Deputat tiegħu Toni Bezzina, u fisser kif l-istess Bezzina ma ħaqqux li ttieħed azzjoni fil-konfront tiegħu minkejja li dan tal-aħħar bagħat ħaddiema tal-Gvern iwettqu xogħol fil-każin Nazzjonalista taż-Żurrieq u agħar minn hekk, ġiegħel lill-istess ħaddiema jiffirmaw dikjarazzjoni falza.
Dan kollu mhux biss jikkuntrasta bi kbir ma’ dak li Simon Busuttil tant jitkellem dwaru, hekk kif jgħid mod u jagħmel ieħor, iżda jikkonferma kemm għandu standards differenti mhux biss ma’ min ma jaqbilx miegħu politikament, iżda anke fost dawk ta’ madwaru.
Wieħed isemmi lil Giovanna Debono li rriżenjat qabel ma nqata’ l-każ tal-work for votes f’Għawdex, u riċentament, f’mossa li ħadd ma jista’ jifhem, il-Kap tal-Oppożizzjoni reġa’ poġġa f’postu lis-Sindku tar-Rabat Għawdex wara li ġie mressaq u kkundanat mill-Qorti, dan meta ftit qabel kien talbu jirrizenja. Dawn ukoll għandhom standards differenti.
Busuttil għalhekk ma jistax jittieħed bis-serjetà, għax mhux biss irid ikun judge & jury ta’ kulħadd, anke ta’ niesu stess, fejn lil xi wħud ineħħihom u oħrajn, bħal Toni Bezzina, jibqa’ jiddefendihom minkejja li qed jikser kliemu stess.