Il-gazzetta Maltatoday żvelat aktar dettalji b’rabta mal-iskandlu tal-iskema pagi PN.
Filfatt l-istess gazzetta żvelat li kumpanija oħra sussidjarja tad-DB Group ta’ Silvio Debono li ħarġu invoices ta’ riklami fuqha bħala parti mill-iskema li ħoloq Simon Busuttil kienet Malta Healthcare Caterers.
Kumpanija oħra li bħal Sky Gourmet ma tagħmilx riklami fuq ix-xandir lokali.
Din il-kumpanija filfatt ma tipprovdiex is-servizzi tagħha lil pubbliku inġenerali iżda sservi l-ikel fid-djar tal-anzjani u fi sptarijiet.
Il-Maltatoday irrapurtat li mill-elfejn u tlettax lil hawn minn dawn iż-żewġ kumpaniji li ma jagħmlux riklami fuq ix-xandir lokali il-Partit Nazzjonalista daħħal viċin is-sitt mitt elf ewro. Aħbar li tikkonferma dak żvelat mill-gazzetta KullĦadd ftit tal-ġimgħat ilu li ddikjarat li sorsi qalulha li n-nofs miljun ewro nqabżu żgur.
Wara li ġiet żvelata l-ewwel kumpanija li fuqha ħarġu l-invoices il-Kap tal-Oppożizzjoni waqa’ fi skiet li jtarrax.
B’hekk jibqa’ li l-eluf ta’ ewro li kien jirċievi l-Partit Nazzjonalista ta’ Simon Busuttil kienu donazzjoni għaliex għalihom ma kien qed jingħata ebda servizz.
Kien Simon Busuttil innifsu li ħoloq din l-iskema ta’ ħlas ta’ pagi f’laqgħat fid-Dar Ċentrali man-negozjant Silvio Debono.
Fejn fis-Sajf tal-2013 esiġa li jħallaslu s-salarju tas-Segretarju Ġenerali u fis-Sajf ta’ wara tal-Kap Eżekuttiv.
Ħlas li kien qed isir sakemm ftit tal-jiem ilu sejjaħ il-flus li kien qed jirċievi bħala maħmuġin u li kien se jroddhom lura. Għalkemm wara li għaddew ftit jiem qal li ma kien se jrodd lura u xejn u fil-fatt kien se jżommhom.
Intant, il-gazzetta KullĦadd żvelat ir-riżultat ta’ analiżi li saret fuq il-gazzetti tal-Partit Nazzjonalista, il-Mument u n-Nazzjon tas-sena li għaddiet.
Il-gazzetta Kullħadd wettqet analiżi ta’ 8,764 paġna ta’ in-Nazzjon u 2,912-il paġna ta’ il-Mument u jirriżulta li ma kienx hemm riklam wieħed ta’ Sky Gourmet.