It-terapija fil-ħajja ta’ tfal morda hija importanti, imma lil hinn minnha, hemm ħajja oħra.
Dan kien l-appell ta’ Thelma Desira, omm li bħal dan iż-żmien tliet snin, tilfet lil bintha Luisa, fl-età ta’ seba’ snin.
Luisa twieldet bħal trabi oħra, iżda wara l-ewwel sena, il-ġenituri tagħha ndunaw li kien hemm xi ħaġa ħażina.
Qalet, “One fine day, tilfet dak kollu li kienet tgħallmet fl-ewwel sena ta’ ħajjitha, nesiet kif toqgħod bilqiegħda mingħajr sapport, rasha ma żżommhiex, l-ispeech mar lura, feeding, motor skills marru lura, indunajna li hemm xi problema newroloġika.”
It-testijiet mill-ewwel urew li ċ-ċkejkna Luisa kellha kundizzjoni newroloġika li taffettwa l-ġisem kollu, tant li fi ftit ġimgħat, spiċċat f’siġġu tar-roti.
Minn hemm, beda l-proċess għal ħajja ta’ terapija u sptarijiet.
Qalet, “Għalkemm ma qalulix mill-isptar, ovvjament tmur tfittex u mill-ewwel sirt naf li sfortunatament ħajjitha ma kinitx ħa tkun twila allura għidt isma’, din ħajjitha irrid nagħti kas il-kwalità tal-ħajja tagħha.”
Minkejja l-limitazzjonijiet tagħha, Luisa kienet tifla ferriħija mimlija ħajja.
Ftit wara li għalqet seba’ snin, ġiet bżonn operazzjoni li kienet suċċess, iżda sfortunatament ħadet infezzjoni ftit wara li switilha ħajjitha.
Thelma għadha sal-lum issibha diffiċli titkellem fuq l-esperjenza li għaddiet minnha mal-unika wild tagħha, iżda għamlet sforz u tkellmet ma’ ONE News, tliet ġimgħat qabel konferenza nazzjonali dwar il-kura paljattiva lit-tfal.
Din il-konferenza se ssir għall-ewwel darba f’Malta fl-Isptar Mater Dei biex tqajjem kuxjenza dwar din il-kura li tingħata lil tfal b’ħajja qasira u lill-familji tagħhom.
Qalet, “Idea tajba ħafna l-fatt li mad-diagnosis, il-ġenituri jiġu offruti terapija, counselling therapy, għax tista’ tgħid li tgħaddi minn proċess ta’ bereavement.”
Thelma kellha appell b’saħħtu għal ġenituri oħra li għaddejjin minn vjaġġ simili għal dak li għaddiet minnu hi.
Qalet, “Jien nemmen ħafna li t-terapija importantissima ma tistax tneħħiha, però tajjeb li tikkrea memorji wkoll mat-tfal u żżomm f’moħħok li apparti ħajja ta’ terapija, għandhom ħajja oħra. Għandhom ħajja fejn kemm jista’ jkun joħorġu dak li huma kapaċi jagħmlu u anki jibnu social networks ma’ tfal oħra madwarhom.”
Fi tmiem l-intervista, staqsejna lil Thelma, x’tgħallmet mingħand bintha.
Qalet, “Luisa għallmitni x’inhi r-reżiljenza u kif tibqa’ tikkumbatti fil-ħajja. Hi kienet reżiljenti ħafna jiġifieri dik l-iktar ħaġa li għallmitni u għallmitni wkoll kemm hi kienet tapprezza dak li jagħmlu magħha.”