B’telefonata tista’ toħloq tbissima fuq fomm dawk li tul il-pandemija spiċċaw b’ta’ fuqhom senduqhom f’diversi pajjiżi madwar id-dinja.
Father Louis Mallia tkellem ma’ ONE News fit-tieni jum tal-Maratona Oħloq Tbissima, u spjega li t-tema tal-maratona hija waħda bażika li ddur mal-ikel.
Huwa qalilna: “Din is-sena kull proġett qisu waqa’. In-nies ftaqru jiġifieri m’għandhomx x’jieklu allura l-idea tagħna hija li mmorru bażiku, inġibu dinjità lil dawn in-nies li magħhom qed ngħixu u nagħtuhom l-ikel allura kull sold li ħa jinġabar se jissarraf f’ikel għall-familji li qegħdin jgħixu f’faqar estrem.”
Din is-sena l-maratona kienet se titħassar minħabba l-pandemija iżda meta pajjiżna reġa’ beda jiġi lura għan-normal, it-tim ħejja ruħu għal din il-maratona f’ħin limitat ħafna.
Il-maratona se tilħaq il-qofol tagħha fil-jum tal-Ħadd.