Fil-Parlament ta’ Malta saret laqgħa fejn it-tfal u l-membri tal-Parlament iddiskutew il-kulturi u kif dawn il-kulturi u l-ġnus differenti jistgħu jgħixu flimkien f’armonija.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia M.P qal li l-futur ta’ Malta u tal-Ewropa huma l-futur tat-tfal u din il-laqgħa saret biex nifhmu t-tibdil fil-kultura u fis-soċjetà u f’dik Ewropea kif ukoll biex nibnu flimkien il-futur tagħna. L-Ispeaker tkellem dwar l-obbligi legali u morali li huma sanċiti fid-Dikjarazzjoni Universali dwar ir-rispett tad-Drittijiet u l-Libertajiet Fundamentali tal-Bniedem tal-1948, u t-Trattat Ewropew dwar id-Drittijiet ta’ Minoranzi Etniċi tal-1995. Saħaq dwar il-ħtieġa li s-soċjetà Ewropea tkun multi-etnika u tagħraf il-bżonnijiet taż-żgħir, tal-emarġinati u tal-fqar.L-Ispeaker Farrugia tkellem ukoll dwar l-impenn tat-tfal Maltin li jtennu l-għanja favur il-ħajja umana u l-appell tagħhom favur kultura Ewropea li tgħaqqad il-ġnus, il-popli u n-nazzjonijiet u fl-istess waqt tagħraf il-kontribut siewi li l-minoranzi etniċi u l-emigranti qed jagħtu lill-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-Ewropa.
Din il-laqgħa ġiet organizzata mill-Parlament ta’ Malta flimkien mal-Fondazzjoni Valletta 2018. Ħadu sehem ukoll il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici u l-membri parlamentari Therese Comodini Cachia u Stefan Zrinzo Azzopardi.
Ritratt: SPK