Il-Kunsill Lokali tal-Qala qiegħed jopponi l-bini mill-ġdid ta’ kamra antika f’Ħondoq ir-Rummien b’metodi moderni, li faċilment jagħmlu l-ħsara lill-ambjent rurali taż-żona, li llum tgawdi minn protezzjoni speċjali wara intervent dirett tal-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela.
Dan il-każ ġdid jittratta applikazzjoni ta’ żvilupp propost mill-istess kumpanija, li fil-post riedet lukanda b’mija u għaxart ikmamar skont il-Pjani Lokali fi żmien GonziPN, biex kamra rurali, li jingħad inbniet fl-1904, tinħatt kompletament wara li parti minn sfrondat.

Qed jiġi rrakkomandat mill-case officer li l-applikazzjoni, li tisħaq li l-kamra tinbena mill-ġdid b’metodi oħrajn minn dawk oriġinali, li jfisser li inġenji jagħmlu ħsara liż-żona protetta, tiġi rrifjutata.
Il-Kunsill Lokali tal-Qala wkoll qed joġġezzjona li l-binja tinħatt u ssir waħda ġdida simili, simili għal dak espress fir-rapport tal-case officer, iżda minflok tinbena mill-ġdid b’mod manwali l-parti li sfrondat. B’hekk tiġi ppriservata wkoll l-oriġinalità tagħha.
F’kummenti lil ONE News, is-Sindku tal-Qala, Paul Buttigieg, spjega x-xewqa tal-Kunsill.
“Aħna, bħala Kunsill, ma nsibux oġġezzjoni li titranġa. Li sibna oġġezzjoni li riedu jwaqqgħuha, tinbena bil-kantun minn ġewwa u jagħmlulha l-covering fuq barra, xi ħaġa li titlef il-mod kif din tidher.”
Pawlu Buttigieg, Sindku, Qala
F’seduta quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar it-Tlieta filgħodu, intalab li d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tiġi posposta, fid-dawl taċ-ċirkostanzi li qed ikun irrakkomandat li din tiġi rrifjutata, ladarba intervent simili wkoll jista’ wkoll joħloq preċedent qawwi għal żvilupp ieħor fiż-żona.