L-Ispeaker tal-Parlament saħaq li ma kellu jkun hemm l-ebda oġġezzjoni kapriċċuża għal laqgħa ta’ Kumitat Parlamentari.
L-Ispeaker saħaq dan f’deċiżjoni li ta fil-bidu tas-seduta parlamentari tal-lejla b’rabta mal-fatt li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista baqgħet tinsisti li ma kellhiex tiġi diskussa liġi li ssaħħaħ il-ġlieda kontra l-kriminalità fi stadju ta’ Kumitat.
F’ruling li ta, l-Ispeaker Anġlu Farrugia mhux biss irrefera għal deċiżjonijiet li ngħataw minn Speakers ta’ qablu imma spjega li Kumitat Parlamentari jrid jitħalla jitlaqqa’ u jaħdem.
Dan b’rabta mal-fatt li l-Kumitat għall-Kunsiderazzjoni tal-Abbozzi kellu jiddiskuti emenda dwar il-perjodu ta’ arrest ta’ allegati suspettati li jkunu wettqu reati serji, jiżdied bl-approvazzjoni tal-Qorti, bi 48 siegħa biex il-Pulizija tkompli tinvestiga.
L-Ispeaker qal ċar u tond li l-membri kollha tal-Kumitat, kemm fuq in-naħa tal-Gvern kif ukoll fuq in-naħa tal-Oppożizzjoni kellhom għarfien tal-aġenda tal-laqgħa tal-Kumitat u l-Ispeaker saħaq ukoll li ma kellha l-ebda korrispondenza li xi Deputat oġġezzjona għall-aġenda inkwistjoni.
Id-deċiżjoni tal-Ispeaker għall-aġir tal-Oppożizzjoni ġie wara li f’seduta Parlamentari qabel l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż aġġornat għall-vaganzi tal-Għid, fil-Parlament qam il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar u d-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina jilmentaw fuq avviż għal-laqgħa tal-Kumitat Parlamentari tal-Kunsiderazzjoni tal-Abbozzi.
L-Oppożizzjoni kienet sostniet li l-laqgħa tal-Kumitat kellha titħassar iżda l-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard kien saħaq li l-laqgħa tal-Kumitat kellha ssir u l-pajjiż irid jieqaf ikun ostaġġ ta’ Oppożizzjoni maqsuma.
Dakinhar kien tkellem ukoll iċ-Chairman tal-Kumitat għall-Kunsiderazzjoni tal-Abbozzi, Michael Farrugia, li spjega kif kien hemm korrispondenza għaddejja bejn il-membri fuq il-Kumitat li fiha l-Oppożizzjoni qatt ma talbet li l-laqgħa kellha titħassar, kif fil-fatt ikkonferma l-Ispeaker f’ruling li ta.