Grupp ta’ studenti mis-Soċjetà Maltija ta l-Arti attendew għal żjara privata fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, il-Belt Valletta.
Din iż-żjara, li tmexxiet mill-Kuratriċi Anzjana ta’ Heritage Malta, Sharon Sultana, iffukat fuq is-sinifikat tat-tafal miż-Żmien Bikri Neolitiku, għal Żmien il-Bronż u għall-Perjodu Feniċju, meta dan il-materjal kien jiġi użat biex jinħolqu artifatti kemm għar-ritwali u kif ukoll għal oġġetti li jservu għall-bżonnijiet ta’ kuljum.
Fdalijiet ta’ fuħħar antik li jinstab waqt skavi arkeoloġiċi jitfa’ dawl fuq kommunitajiet li għexu fil-passat.
Sadanittant, bl-avvanzi regolari fit-teknoloġija, analiżi xjentifiċi ġodda li jitwettqu fuq artifatti tal-fuħħar fil-mużew ikomplu jwessgħu l-għarfien dwar l-antenati tagħna.
Din il-kollaborazzjoni bejn Heritage Malta u s-Soċjetà Maltija tal-Arti serviet bħala gwida fundamentali għal studenti li qed jattendu għall-kors fl-Immudellar tat-Tafal peress li provdiet kuntest għal materjal li huma se jkunu qed jaħdmu fuqu matul il-programm ta’ 12 il-ġimgħa.