Themistocles Attard ta’ 46 sena minn Birżebbuġa, li jinsab akkużat li seraq ħanut f’Santa Venera b’arma tan-nar, daħal fil-ħanut darbtejn oħra fl-istess jum u offra lil min kien qed jieħu ħsieb il-ħanut sess ma’ żewġ nisa differenti.
Dan bi tpartit ma’ oġġetti fil-ħanut.
Waqt ix-xhieda tiegħu fil-jum tat-Tnejn, sid il-ħanut Joseph Saliba spjega kif l-ewwel darba li daħal, Attard għażel numru ta’ oġġetti li ammontaw għal €6.
Huwa qal lil Saliba li ma kellux biżżejjed flus biex iħallas u minflok qallu li seta jkollu x’jaqsam ma’ mara li qal li kienet martu. Saliba rrifjuta din l-offerta u qalilhom biex jitilqu ‘l barra.
Attard reġa’ rritorna fil-ħanut ma’ mara oħra, u qal lil sid il-ħanut li din kienet iżgħar u iktar ħelwa minn ta’ qabilha. Għal darb’ oħra offra li jkun hemm attività sesswali bejnha u Saliba bi tpartit ma’ flixkun whiskey. Sid il-ħanut reġa rrifjuta din l-offerta.
Huwa spjega li iktar tard dakinhar, hekk kif kien qed jaħsel is-skieken, l-istess raġel reġa’ daħal fil-ħanut u qallu biex ma jiċċaqlaqx. Saliba qal li l-akkużat kellu oġġett iswed f’idu, u għalhekk ma ċċaqlaqx għax beża’ li jisparalu.
Attard ħarab mill-ħanut bil-cash register, li fih kien hemm madwar ħames mitt ewro fi flus. Huwa ħarab f’Toyota Tercel, li l-pulizija stabbilixxiet li kienet irreġistrata f’isem oħtu.
L-Ispettur Lydon Zammit qal li Attard, qabel ma kien interrogat, ikkonferma d-dettalji taż-żjarat tiegħu fil-ħanut, apparti l-akkuża li kien qed iġorr arma.
Qal ukoll li Attard ikkoopera mal-pulizija u urihom fejn rema l-cash register.