Raġel ta’ 49 sena minn Birżebbuġa tqiegħed fuq ordni ta’ probation għal tliet snin wara li nstab ħati li f’Diċembru tal-2018 seraq madwar €500 minn cash register ta’ ħanut tal-merċa f’Santa Venera.
Fil-Qorti nstemma li fil-jum li fih seħħ il-każ, ir-raġel daħal darbtejn fil-ħanut, u wara li għażel bosta oġġetti u ma kellux flus biex iħallas il-kont, offra biex martu u mara oħra jkollhom x’jaqsmu sesswalment mas-sid. Sid il-ħanut tal-merċa ma laqax l-offerta u qallu biex joħroġlu mill-ħanut.
Aktar tard ir-raġel mar lura fil-ħanut, din id-darba armat, u wara li żamm lis-sid kontra r-rieda tiegħu, telaq minn fuq il-post bil-cash register.
Ir-raġel ġie mmultat kważi €700 talli ġarr arma tan-nar mhux liċenzjata, filwaqt li ordnatlu jrodd il-flus lis-sid.