F’dawn l-aħħar jiem l-attività relatata mal-immigrazzjoni fin-nofsinhar tal-Mediterran reġgħet għolliet rasha, b’eluf ta’ immigranti ppruvaw jaħarbu mil-Libja lejn l-Ewropa.
Fil-fatt, fi ftit jiem il-Gwardja tal-Kosta Libjana interċettat madwar elf immigrant minn fuq diversi dgħajjes li kienu qed ibaħħru f’ibħra territorjali Libjani. Jidher li l-maġġoranza tal-immigranti li ġew interċettati mill-Awtoritajiet Libjani kienu ġejjin minn pajjiżi Afrikani.
Numru ta’ dgħajjes bl-immigranti ħallew il-kosta Libjana biex jilħqu l-vapur tal-għaqda mhux governattiva SOS Mediterranee Ocean Viking li kien qed ibaħħar mhux wisq bogħod mill-kosta Libjana.
Fi ftit jiem dan il-vapur ġabar erba’ mija u erbgħa u għoxrin immigrant minn fuq numru ta’ dinghies li kienu għadhom kif salpaw mil-Libja. Minn dawn l-immigranti, tmienja ttestjaw pożittivi għall-Covid-19 waqt li kienu abbord il-vapur. Fl-aħħar sigħat, il-Forzi Armati Maltin taw l-assistenza lil koppja li kellhom bżonn kura medika urġenti minħabba kumplikazzjoni serja fit-tqala.
Il-Ħadd waranofsinhar, l-Awtoritajiet Taljani taw permess lill-vapur biex jidħol bl-erba’ mija u tnejn u għoxrin immigrant fil-port ta’ Augusta fi Sqallija. Fil-fatt bħalissa l-bastiment qed ibaħħar fid-direzzjoni ta’ dan il-port Sqalli u fi ftit sigħat se jkun jista’ jniżżel l-immigranti kollha li għandu abbord.