Il-Gvern nieda konsultazzjoni pubblika dwar regolamenti proposti favur l-obbligu ta’ liċenzja għall-kuntratturi li jaħdmu fit-twaqqigħ, l-iskavar, u l-bini.
F’konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat li dan qed isir sabiex tissaħħaħ ir-regolamentazzjoni għas-settur tal-kostruzzjoni filwaqt li jkun hemm kwalità ogħla ta’ xogħlijiet u aktar infurzar.
Fil-fatt, għall-ewwel darba se tiġi introdotta liċenzja biex jiġu regolati l-kuntratturi. Sal-l,um l-unika liċenzja li kienet teżisti f’dan is-settur kienet il-Liċenzja tal-Bennej, li ilha daħlet sa mis-seklu dsatax.
B’hekk, b’din il-liċenzja, min irid jaħdem f’dawn l-oqsma jrid jidentifika ruħu mal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni u b’riżultat ta’ dan min għandu liċenzja biss ikun jista’ jwettaq dan it-tip ta’ xogħol.
Ir-regolamentazzjoni proposta tara wkoll li jiġu stabbiliti kriterji li wieħed irid ikollu biex jikseb liċenzja, jiġu definiti aħjar ir-responsabbiltajiet tal-kuntrattur, filwaqt li jissaħħu l-mezzi tal-infurzar fil-konfront tal-kuntratturi liċenzjati.
Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi, spjega li b’din il-konsultazzjoni pubblika qed jiġi ppubblikat abbozz ta’ Avviz Legali li permezz tiegħu se jkun qed jitwaqqaf Kumitat għal-Liċenzjar tal-Kuntratturi u li jistabbilixxi l-Liċenzji għall-Kuntratturi tat-twaqqigħ, l-iskavar, u l-bini.
Ma’ ONE News huwa rrimarka wkoll dwar ir-responsabbiltajiet tal-kuntrattur taħt dan l-abbozz, hekk kif se jkun obbligat fost l-oħrajn li jaħdem skond id-direttivi tal-Perit, f’konformità mal-method statement u kull regolament jew direttiva maħruġa mill-Awtorità tal-Bini u l- Kostruzzjoni.
Kuntrattur jista’ jaħdem biss f’dak il-qasam li għalih ikollu liċenzja u jista’ jkollu aktar minn liċenzja waħda dment li jkollu l-kriterji meħtieġa.
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi semma wkoll wħud mill-kriterji marbuta mal-kisba tal-liċenzja f’dawn l-oqsma. Dawn, fost l-oħrajn, jinkludu, ħiliet fl-oqsma ta’ kostruzzjoni li għalihom ikun qed japplika għal Liċenzja. L-applikant għandu jipprovdi lista ta’ makkinarju iċċertifikat. F’każ ta’ xogħol ta’ bini l-applikant għandu jkollu fil-pussess tiegħu liċenzja ta’ bennej, jew fil-każ ta’ kumpanija, tliet snin esperjenza f’immaniġġjar ta’ sit ta’ kostruzzjoni kkonfermata minn żewg periti, u impjieg ta’ bennej liċenzjat. Dan flimkien ma’ ħila ta’ superviżjoni fuq il-lant tax-xogħol, fost oħrajn.
Huwa qal, “Se nagħtu aktar għodda ta’ infurzar lill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni biex min jonqos ikun hemm lok ta’ sospensjoni jew saħansitra revoka tal-liċenzja bil-konsegwenza li bniedem jekk ma jkollux il-liċenzja ma jistax jopera.”
Minn naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, Jesmond Muscat, qal li biex kuntrattur ikun jista’ jaħdem f’dawn it-tliet oqsma, irid ikun applika sal-31 ta’ Ottubru 2023.
B’hekk, min ma jkunx applika sal-31 ta’ Ottubru, mill-1 ta’ Novembru ’l quddiem ma jkunx jista’ jopera. Intant, min ikun applika jkun irid jingħata provisional clearance biex jibda jopera.
Dawk li jridu jieħdu sehem f’din il-konsultazzjoni pubblika għandhom jaċċessaw is-sit elettroniku tal-Konsultazzjoni Pubblika fejn wieħed jista’ jaqra l-abbozz tal-Avviż Legali – https://www.gov.mt/mt/publicconsultation/Pages/2023/L-0005-2023.aspx
Wieħed jista’ jara wkoll l-abbozz tal-Avviż Legali billi jaċċessa s-sit elettroniku tal-Awtorità.