Sentejn wara li l-Partit Nazzjonalista kellu l-obbligu li jdaħħal il-kontijiet finanzjarji tiegħu u anke r-rapporti tad-donazzjonijiet li rċieva, il-proċess ta’ awditjar b’rabta ma’ dan għadu mhux lest.
Dan ħareġ waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-istess Partit, ġurnata biss wara li sar magħruf li l-Kummissjoni Elettorali ilha għal dawn l-aħħar sentejn tibgħat ittri ta’ twissija lill-Partit Nazzjonalista biex jirregola ruħu. S’issa diġà ntbagħtu ħamsa minn dawn l-ittri, li lkoll ġew injorati mill-Partit ta’ Bernard Grech.
F’kontro-protest, li ppreżentat fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili l-Kummissjoni Elettorali b’rabta mal-azzjoni legali li ħadu fl-aħħar jiem il-kandidati Laburisti għall-Parlament Ewropew, Daniel Attard u Marija Sara Vella Gafà fejn argumentaw li l-Partit Nazzjonalista ma mexiex mal-obbligi tiegħu skont il-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti.
Fid-dawl ta’ dan in-nuqqas lampanti, staqsejna lid-Deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia. Iżda dan m’għamel xejn, ħlief ikkonferma li l-proċess ta’ awditjar b’rabta ma’ dawn l-obbligi għadu mhuwiex lest f’dan iż-żmien kollu. Aktar minn sentejn wara li suppost dan ġie finalizzat.
“Jiena ninsab informat li l-proċess ta’ awditjar wasal lejn tmiemu.”
Hekk kif il-ġurnalist kompla jistaqsi aktar dwar dan in-nuqqas tal-Partit Nazzjonalista, Caruana Cilia tefa’ kollox fuq Bernard Grech.
“Il-Kap tal-Partit diġà tkellem dwar dan.”
Minkejja dan, dwar din il-materja, Bernard Grech tkellem, iżda nqabad ukoll jigdeb u jħawwad.
Ma’ ġurnalist ta’ dan l-istazzjon fil-festi tal-Indipendenza s-sena li għaddiet hu kien sostna li r-rapporti inkwistjoni il-Partit Nazzjonalista daħħalhom diġà għand il-Kummissjoni Elettorali.
Ġurnalist: “Xi trasparenza hi? Inti tgħid ħafna fuq it-trasparenza”.
Bernard Grech: “Ġew ippubblikati, ġew ippubblikati.”
Ġurnalist: “Tal-2021 ukoll? Tal-2022? Mhumiex ta.”
Madankollu l-fatti giddbuh, tant li ftit tal-jiem wara kellu jibla’ kliemu u minflok ipponta subgħajh lejn il-ħaddiema tad-Dar Ċentrali għal dan in-nuqqas.
“Fil-ġimgħat u fix-xhur li ġejjin se nkunu qed nippreżentaw l-istess accounts. Dan ma sarx biss minħabba personnel meħtieġ.”
Grech qal dan proprju lura f’Ottubru tas-sena li għaddiet u sa dak iż-żmien il-Partit Nazzjonalista baqa’ jikser il-liġi u ma jżommx mal-obbligi tiegħu.
Tant hu hekk li anke l-midja indipendenti nnotat in-nuqqasijiet tal-Partit Nazzjonalista bil-MaltaToday l-Erbgħa tinnota kif il-PN saħansitra injora ħames ittri ta’ twissija mill-Kummissjoni Elettorali biex jirregola ruħu.
Quddiem dan l-aġir, bqajna nistaqsu, madankollu bqajna bla risposta.