NXTERA huwa kunċett ġdid fl-iżvilupp fil-qasam sportiv u kalċistiku li tħabbar is-Sibt.
Huwa proġett differenti u uniku għax mhux se jkun sempliċi skola tal-futbol għaż-żgħar imma mezz ġdid ta’ kif inħarsu lejn il-logħba tal-futbol sa minn eta żgħira.
Din l-akkademja tal-futbol se toffri opportunita tad-deheb lis-subien u l-bniet ta’ bejn il-5 snin u 12-il sena li jixtiequ jtejbu l-ħiliet tagħhom fil-logħba tal-futbol u jibnu pedament sod f’din id-dixxiplina sportiva.
Din l-inizjattiva toffri kwalità fil-coaching u anki fl-edukazzjoni għall-ġenituri, b’mod partikolari.
Flimkien ma’ Luigi Fenech, li huwa l-Kap Eżekuttiv ta’ NXTERA, se jkun qed imexxi ’l quddiem din l-inizjattiva André Schembri. Huwa lagħab kważi mitt partita mat-tim nazzjonali Malti tal-futbol, u ta’ 23 sena ħalla Malta biex tħarreġ ma’ diversi timijiet barranin
Huwa qal lil ONE News li dan il-kunċett ġdid għal Malta se jgħin lit-tfal ukoll biex jiżviluppaw b’mod ħolistiku.
“NXTERA hija sistema ġdida. Mhix skola tal-futbol biss, imma l-mod kif se naħsbu fuq grassroots football. Din is-sistema hija bbażata fuq tliet pilastri. L-ewwel nett, il-quality coaching. Nemmnu li l-coach huwa importanti ħafna. Nemmnu li l-coach għandu jaddatta l-metodoloġija għall-atleta li għandu quddiemu. It-tieni pilastru huwa l-parent education, għax nemmnu li rridu nedukaw lill-ġenituri għax dawn jinfluwenzaw ħafna lit-tfal tagħhom. It-tielet pilastru huwa amministrazzjoni kif suppost.”
Kull coach se jkun qed jibbaża t-tagħlim fil-logħba tal-futbol, anki b’mod fiżiku, mentali u konjittiv, ħalli t-tfal li jibdew il-vjaġġ tagħhom ma’ NXTERA ikunu megħjuna jifhmu aħjar il-logħba. Għaldaqstant, jifhmu aktar f’liema kategorija jaqgħu u għalhekk ikunu jistgħu jispeċjalizzaw aktar f’dik it-teknika partikolari.
Dan jgħinhom biex imbgħad ikomplu jikbru fl-abbilità tagħhom, jgħallimhom kif wieħed ikollu mentalità reżiljenti u saħansitra anki fit-teknika tal-logħba. Kull coach se jkun qed iħarreġ 12-il parteċipant kull darba sabiex tkun tista tingħata attenzjoni individwali.