Disa’ nutara ġodda rċevew il-warrant tagħhom ilbieraħ waqt ċerimonja qasira indirizzata mill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici.
Il-Ministru Bonnici qal li n-nutara “huma nutara dejjem u allura huwa importanti li jkunu dejjem professjonali, anke fil-mumenti meta mhux qegħdin xogħol. Intom tirrappreżentaw din il-professjoni li hija waħda mill-aktar importanti fis-soċjetà.”
Il-Ministru ħeġġeġ lin-nutara wkoll biex dejjem jimxu mal-liġi u jgħożżu r-rwol li għandhom f’għajnejn il-klijenti tagħhom.
Huwa tkellem ukoll dwar ir-restawr tal-Arkivji Notarili, proġett li l-Gvern nieda anke prmezz ta’ fondi Ewropej u permezz ta’ kollaborazzjoni mal-privat taħt l-iskema Adopt a Notary. Din il-ħidma qed issir biex jiġu ssalvagwardjati u ppreservati dawn id-dokumenti li fihom hemm rifless l-istorja tal-poplu Malti u Għawdxi, u allura anke l-kultura tal-pajjiż.
“L-andament tant tajjeb tal-ekonomija ta’ pajjiżna u t-tnaqqis bla preċedent fl-għadd ta’ nies ifittxu xogħol ifisser li intom se tidħlu fid-dinja tax-xogħol propju meta hawn pressjoni enormi ta’ xogħol. Se tiltaqgħu ma’ żminijiet diffiċli, bħal f’kull qasam, imma huwa importanti li f’dawn il-mumenti ma tinsewx il-moralità u s-sagrifiċċji li tkunu għamiltu biex ilħaqtu din il-pożizzjoni”, qal il-Ministru.