Pierre Falzon, ex nutar qed jaffaċċja proċeduri kriminali ġodda wara li diġà kellu akkużi simili s-sena l-oħra.
Din id-darba, dwar misappropjazzjoni ta’ fondi pubbliċi u talli naqas mid-dmirijiet tiegħu bħala uffiċjal pubbliku.
Dan hekk kif qed jiġi akkużat li naqas milli jagħti lill-awtoritajiet flus li ġew fdati lilu minn klijenti tiegħu fuq kuntratt ta’ bejgħ.
Fil-Qorti xehdu Mario u Victoria Dimech li qalu li kienu taw struzzjonijiet lin-nutar sabiex ifassal l-att tat-trasferiment ta’ propjeta li kienu maħsuba li jixtru fin-Naxxar.
Kien wara li l-koppja semgħu li l-akkużat kien xellef difrejh mal-ġustizzja dwar misapropjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, li ċċekjaw mad-dipartiment tat-taxxi dwar il-kuntratt tax-xiri.
Hemmhekk sabu li la kienu tħallsu d-dazji fuq id-dokumenti u lanqas it-taxxa fuq il-qligħ kapitali. Irriżulta wkoll li n-nutar la kien iddepożita l-flus fid-dipartiment u lanqas irreġistra t-trasferiment tal-propjeta.