In-Nutar Pierre Falzon ġie kkundannat 5 snin ħabs wara li żamm għalih eluf ta’ ewro ta’ klijenti tiegħu li kienu fdawh bi flushom. Dan kien ukoll instab ħati sentejn ilu fuq reati simili u weħel sentenza sospiża ta’ ħabs.
Falzon, li għandu 58 sena, kien akkużat bi 17-il każ ta’ miżapproprjazzjoni ta’ eluf ta’ ewro mill-klijenti tiegħu. Kull każ seħħ qabel Lulju 2011.
Il-Qorti semgħet diversi xhieda fil-każ kontra n-Nutar, fosthom klijenti tiegħu u rappreżentanti mill-banek.
Jidher li n-Nutar kien jieħu flus tal-boll meta jsir xi konvenju jew kuntratt tal-bejgħ u jpoġġihom fil-kont bankarju ta’ martu, jew tan-negozju tal-laħam jew tal-kostruzzjoni li kellhom, minflok jiddepożitahom għand il-Kummissarju tat-Taxxi Interni kif kien mistenni minnu. Jidher ukoll li f’xi każijiet, kien juża ċ-ċekkijiet biex iħallas lil terzi persuni.
Il-Qorti nnutat ukoll li l-akkużat telaq minn Malta u ħalla klijenti msallba minħabba għemilu.
Apparti s-sentenza ħabs, Falzon itteħditlu l-warrant ta’ nutar, u kien ordnat iħallas lura lill-klijenti li kienu għadhom ma ħadux flushom lura, liema somma tlaħħaq il-€112,769.