Is-7 ta’ Settembru 1565. Kienu l-11:00 ta’ filgħaxija, xħin in-Nutar Giacomo Baldacchino li kien qed jieħu r-refuġju fil-Birgu, kiteb kif dak il-ħin wasal il-Gran Saccorso, l-għajnuna l-kbira mwiegħda lil De Vallette minn Sqallija.
Din in-nota ta’ Baldacchino nstabet ġewwa l-Arkivji Notarili fil-Belt.
Ma’ dan l-istazzjon, l-Istoriku Dr Joan Abela qaltilna x’jirrakkonta n-Nutar Baldacchino: “Jgħidilna illi l-Maltin u dawk kollha li kienu qegħdin il-Birgu ħarġu minn djarhom u marru jgħidu u jkantaw it-Te Deum u kif ukoll jirreċitaw is-salmi ġewwa l-knejjes, speċjalment dawk illi kienu jirreferu għal ħarġa tal-Lhud, minn taħt il-ħakma tal-Eġizzjani, propju bdew huma jħossu li hemm xebħ kbir bejniethom.”
Dan il-ferħ tal-Maltin kien wieħed kbir, hekk kif huma kienu ilhom jistennew din l-għajnuna biex ikunu jegħlbu l-forzi Ottomani barra s-swar.
L-Ottomani kienu ilhom minn nofs Mejju jassedjaw lill-pajjiżna.
Qabel il-wasla tal-Gran Soccorso, qalb il-Maltin kienet maqtugħa hekk kif ħasbu li se jispiċċaw maqtula jew ilsiera jew inkella li jkollhom ibiddlu r-reliġjon tagħhom.
Qabel din l-għajnuna kienet intbagħtet waħda iżgħar, li waslet f’Malta fid-29 ta’ Ġunju.
Ma’ din l-għajnuna kien hemm madwar 800 suldat, iżda hawnhekk, il-Gran Mastru La Vallette talab sabiex tintbagħat iżjed għajnuna.
Bil-Viċi Re ta’ Sqallija, Garcia de Toledo ried jibgħat din l-għajnuna, iżda ried ordni mingħand ir-Re ta’ Spanja u anke t-temp kien fattur li tawwal l-Assedju.
Abela kompliet tfisser: “Fil-fatt lejn l-aħħar ta’ Awwissu, propju fl-24 t’Awwissu, dan kien jiddependi wkoll mir-Re ta’ Spanja. Inħarġet l-ordni biex il-flotta titlaq minn Sqallija, flotta ta’ xi 100 gallera, biex tiġi tgħin lil Malta u dan kien propju l-Gran Soccorso. Sfortunatament iltaqgħu ma’ ħafna maltemp, kellhom jerġgħu jduru lura mhux darba jew tnejn u dawn reġgħu ppruvaw jaslu Malta u salpaw fil-5 ta’ Settembru.”
Wara l-wasla ta’ din l-għajnuna, il-Viċi de Toledo telaq lura lejn Sqallija sabiex iġib aktar forzi lejn Malta.
L-Istoriku qaltilna x’ġara, hekk kif waslet l-għajnuna: “Meta raw illi xi Torok, li kienu qed jirtiraw, bdew jaħarqu villaġġi kollha tal-madwar. Dawn tant irrabjaw illi mingħajr ma stennew l-ordni, propju marru għalihom u għamlu massakru. Hemmhekk it-Torok aktar beżgħu u kien hemm irtirata sħiħa u l-aħħar xini Tork, propju telaq fit-12 ta’ Settembru.”
L-Istoriku qalet ma’ ONE News, li wara din il-ġrajja li tibqa’ mnaqqxa fl-istorja ta’ pajjiżna kien hemm fatt storiku dwar id-data ta’ din il-ġrajja.
Hija sostniet: “Iż-żmien illi fih seħħ l-Assedju kien taħt kalendarju differenti milli nafu llum, dak iż-żmien il-kalendarju Ġuljan, ngħidulu. Issa dan inbidel sbatax-il sena wara l-Assedju u ġie għal kalendarju, il-Kalendarju Gregorjan. Però mexxa d-data prattikament b’għaxart ijiem. Jiġifieri meta llum aħna qed niċċelebraw it-8 ta’ Settembru, suppost propjament niċċelebrawh fit-18 ta’ Settembru.”
Minkejja dan it-tibdil fil-kalendarju, il-Kavallieri żammew id-data tat-8 ta’ Settembru, hekk kif dakinhar tiġi ċċelebrata l-festa ta’ Marija Bambina u f’Malta wkoll il-Vitorja.