L-avukat tal-familja Madeleine McCann, Rogerio Alves ħeġġeġ lit-tliet forzi tal-Pulizija, li qed jinvestigaw l-għibien tagħha, biex jikkoperaw flimkien. Huwa tenna li din l-investigazzjoni mhix xi logħba taċ-Champions League bejn id-dipartiment tal-pulizija u stqarr li minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni qed jintilef ħin prezzjuż mill-investigazzjoni.
Alves għamel dawn ir-rimarki wara li żdiedet it-tensjoni bejn il-pulizija Ġermaniża, Portugiża u Ingliża.
Il-pulizija Portugiża qalet li fl-2012 hija għaddiet lill-pulizija Ingliża lista ta’ potenzjalment suspettati fil-każ u isem Christian B – is-suspettat ewlieni – kien imniżżel fiha, madanakollu il-pulizija Metropolitana ma aġġixietx fuq l-informazzjoni li kienet ingħatat.
Filwaqt li prosekutur Ġermaniż insista li għandu evidenza li Madeleine hija mejta u nieda investigazzjoni, l-pulizija Ingliża għadha tqis lil Madeleine bħala persuna nieqsa. L-istess prosekutur sostna li r-relazzjonijiet mal-pulizija Portugiża mhumiex daqstant tajbin u għalhekk qed jirriżultaw f’ineffiċjenzi fl-investigazzjoni.