Il-Fakultá tal-Edukazzjoni fi ħdan l-Universitá ta’ Malta ma qablitx mal-istqarrija li għamlu l-Malta Union of Teachers (MUT) li ddeskrivit il-kundizzjonijiet tal-għalliema bħala medjokri u li qed iwasslu għall-kriżi fil-professjoni tal-għalliema.
L-unjin tal-għalliema lmentat ukoll mid-diversi riformi li fi kliemha ma jagħtux nifs lill-għalliema u kellha kritika wkoll lejn il-fakultà tal-edukazzjoni fl-università ta’ Malta li fiċ-ċirkostanzi ma bdietx korsijiet filgħaxija.
Il-Fakultá spjegat li l-istqarrija tagħmel referenza ukoll għall-kors inizjali tal-għalliema u tbassar li dan se jaffettwa din il-professjoni b’mod negattiv iżda fi kliemha naqqset milli tiprovdi r-raġunijiet għal dan. Il-fakulta tal-Edukazzjoni qalet li l-MUT kienet infurmata b’dawn ir-riformi fil-korsijiet fl-2013 u kienet ukoll mistiedna tattendi għall-laqgħat tal-Fakultá u kienet ukoll involuta fid-diskussjonijiet.
L-istqarrija tgħid li l-uffiċjali tal-Unjin qablu mal-proposta li l-għalliema jkunu jeħtieġu livell ta’ Master u li ma proponiet ebda alternattivi oħra għal din ir-riforma filwaqt li dejjem kienet favur l-introduzzjoni ta’ dan id-degree ġdid.
Il-Fakultá tal-edukazzjoni esprimiet ukoll it-tħassib tagħha, għal dak li qalet l-MUT dwar il-professjoni tal-għalliema li l-Universitá ta’ Malta qed tonqos milli tiprovdi korsijiet filgħaxija tal–PGCE għall-għalliema gradwati. Fi kliem il-Fakultá dan mhux minnu hekk kif dan il-kors ġiet introdott bejn l-2011-2012 iżda kienu ftit dawk li applikaw għalih, filfatt temmew dan il-kors b’suċċess tliet studenti biss. Kien dan li wassal għad-deċiżjoni li dan il-kors ma jibqax jingħata.
L-istqarrija tgħid ukoll li għaddejjin negozjati mal-entitajiet relevanti lokalment bl-għan li jiġi provdut kors inizjali għall-għalliema biex tiġi indirizzata l-problema preżenti fis-sistema edukattiva. Il-Fakultá qalet li l-kors f’livell ta’ Masters għandu l-għan li jipprepara għalliema ta’ kwalitá.
“Nemmnu biss li din il-‘kriżi’ fil-professjoni tal-għalliema tista’ tinbidel biss jekk issir kollaborazzjoni bejn l-entitajiet relevanti,” temmet tgħid l-istqarrija.