L-apatija fil-partit ta’ Bernard Grech kompliet toħroġ b’mod ċar fl-elezzjoni tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, li qed issir din il-ġimgħa.
Dan hekk kif se jsiru biss nofs l-elezzjonijiet għall-Eżekuttiv tal-Partit, filwaqt li n-nofs l-ieħor mhux se jsiru. Dan minħabba li l-partit ta’ Bernard Grech ma sabx biżżejjed kandidati sabiex joħorġu għal dawk li jirrappreżentaw liż-żgħażagħ u anki lill-Għawdxin.
Dan ifisser li, f’din l-elezzjoni, il-kunsillieri Nazzjonalisti se jkunu qed jivvutaw biss għal sitt irġiel u sitt nisa.
ONE News jinsab infurmat li, f’din l-elezzjoni għall-kunsill eżekuttiv, il-fazzjonijiet differenti huma lkoll irrappreżentati: kemm dawk favur l-establishment kif ukoll dawk qrib l-eks Kap Nazzjonalista, Adrian Delia, iridu jżommu posthom fl-eżekuttiv.
Fost il-kandidati hemm il-politiku tat-tmeninijiet u l-eks Segretaru Ġenerali Nazzjonalista, Francis Zammit Dimech, u Michael Fenech Adami, ħu d-deputat tal-establishment Beppe Fenech Adami u wiċċ sinonimu mal-attivitajiet tal-għaqda Repubblika.
Osservaturi politiċi qalu lil ONE News li din l-apatija fil-partit ta’ Bernard Grech hija l-istess bħal meta, is-sena l-oħra, Grech kien l-uniku żiemel fit-tellieqa għall-kariga ta’ Kap Nazzjonalista. L-istess ġara fl-elezzjoni tal-Viċi Kap, b’Alex Perici Calascione jikkontesta waħdu.
Fit-tellieqa waħdu għal Kap, il-klikka ta’ Bernard Grech kienet daħħlet is-sistema tal-vot bi prokura.