Il-kumpanija tal-ajru Irlandiża Ryanair tinsab taħt pressjoni biex tippubblika aktar informazzjoni dwar t-titjiriet li qed tippjana li tikkanċella matul is-sitt ġimgħat li ġejjin, fost rabja dejjem tikber mill-klijenti.
Il-linja tal-ajru stqarret is-Sibt li għadda li qiegħda tippjana biex tħassar bejn 40 u 50 titjira kuljum sal-20 ta’ Settembru, wara li kien hemm nuqqas ta’ pjanar tajjeb fil-btajjel tal-piloti. Ryanair saħqet li bil-kanċellazzjoni ta’ xi titjiriet mistennija titjieb l-puntwalita’ tat-titjiriet.
Huwa maħsub li l-kanċellazzjonijiet ser jaffettwaw sa 400,000 passiġġier, li se jkunu offruti titjiriet alternattivi jew flushom lura.
Iżda sa issa għadhom ġew ippublikati biss t-titjiriet li se jitħassru sal-Erbgħa ta’ din il-ġimgħa. Dan in-nuqqas ta’ informazzjoni huwa dak li qed jinkwieta u jifrustra ħafna min-nies li għandhom titjiriet riżervati mar-Ryanair, fosthom mijiet ta’ Maltin.
Kelliem għall-kumpanija iżda saħaq li t-titjiriet se jkunu qegħdin joperaw kif skedati sakemm ma tintbagħatx imejl li tikkonferma l-kanċellazzjoni. Huwa qal li l-linja tal-ajru se tkompli tibgħat aġġornamenti regolari u tpoġġi informazzjoni fuq is-sit tagħha, b’sett ieħor ta’ kanċellazzjonijiet mistennijin ikunu ppubblikati illum it-Tnejn.
Sadanittant l-ishma tal-kumpanija diġa’ waqgħu bi 3 % minħabba din id-deċiżjoni.