Spikkat in-nuqqas ta’ attendenza għall-għoti ta’ Ġieħ il-Mosta lbieraħ filgħaxija, hekk kif hu evidenti li diversi postijiet riżervati baqgħu vojta tul l-attività kollha.
Dan hekk kif l-għaqdiet Mostin, fil-maġġoranza assoluta tagħhom kif ukoll bosta minn dawk li fl-imgħoddi ħadu ġieħ il-Mosta għażlu li ma jattendux l-attività.Il-Kunsill Lokali tal-Mosta b’maġġoranza Nazzjonalista, din il-ġimgħa sejjaħ laqgħa urġenti biex f’Jum il-Mosta jagħti l-premju Ġieħ il-Mosta lill-blogger Daphne Caruana Galizia.
Din il-mozzjoni biex Caruana Galizia tingħata dan il-premju għaddiet bil-casting vote tas-Sindku Nazzjonalista. Dan wara li sitt kunsillieri vvotaw favur u sitta oħra vvotaw kontra.
Sorsi qrib il-Kunsill qalu li dan il-premju se jingħata kontra kull prassi u regolamenti li jorbtu kif u lil min għandu jingħata dan il-ġieħ fosthom li jrid ikun ħadem għall-komunità Mostija u jew li ddistingwa ruħu għall-ġid tal-komunità tal-Mosta.
Intant,Josette Agius Decelis, li kellha tkun onorata għas-sehem li tat fil-Kunsill tal-Mosta fejn għal diversi snin serviet b’mod volontarju bħala membru tal-Kunsill Lokali, ma attendietx għaċ-ċerimonja. Jidher li d-deċiżjoni ttieħdet fid-dawl li l-Kunsill Lokali Nazzjonalista tal-Mosta għażel li jonora lil Daphne Caruana Galizia b’Ġieħ il-Mosta.
“Il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kien wieħed li xxokja lil kulħadd u jibqa’ kundanabbli dejjem. L-awtoritajiet Maltin diġa’ ressqu l-Qorti tliet persuni akkużati b’dan il-qtil. U għalhekk filwaqt li qed issir u rridu li ssir ġustizzja ma nistgħux lanqas nitilfu kull sens ta’ ħsieb minħabba l-aġenda li qed jimbotta grupp żgħir ta’ nies fil-pajjiż.
“Li jingħata Ġieħ il-Mosta lil Caruana Galizia ma kinetx deċiżjoni tajba u jien ma ħassejtx li stajt nilleġitimmizah bil-preżenza tiegħi. Il-kunsilliera Laburisti setgħu juru li qed jopponu billi vvotaw kontra kif fil-fatt għamlu. Għalija dan kien l-uniku mod li jien stajt nuri d-diżaprovazzjoni tiegħi f’isem ħafna Mostin li fl-aħħar sigħat ikkuntatjawni skandalizzati b’din id-deċiżjoni”.