Din is-sena, ir-rata ta’ kriminalità f’pajjiżna naqset b’ħamsa u għoxrin fil-mija. Dan wara li fi studju li sar għax-xhur ta’ bejn Marzu u Ġunju kien hemm elf, mitejn u disgħin rapport inqas mill-istess xhur tas-sena l-oħra.
F’dan l-istudju ntwera wkoll li matul il-perjodu ta’ Marzu u Ġunju, żdiedu r-rapporti ta’ kriminalità li sseħħ fil-konfini tad-djar.
F’dan il-perjodu saru erba’ mija u disgħin rapport relatati ma’ vjolenza domestika. Żieda ta’ wieħed u sebgħin rapport.
Dan filwaqt li kien hemm żieda ta’ tnax-il rapport relatati ma kriminalità fuq il-pjattaforma virtwali.
F’kumment ma’ dan l-istazzjon, il-Kriminologu, Saviour Formosa, stqarr li dawn ir-riżultati kienu mistennija fl-eqqel ta’ pandemija.
“Rajna żieda sew fid-domestic violence li ila tiela’ issa għall-aħħar għaxar snin. Pero ovvjament il-fatt li l-persuna ma setgħetx titlaq ‘il barra żiedet dak iċ-ċans li dar-reati isiru iktar”.
Il-Professur Formosa stqarr wkoll li barra l-kriminalità fil-konfini tad-djar kien hemm wkoll differenza fit-tip ta’ serq li kien qed isir.
Is-serq minn propjetajiet okkupati naqas b’mija u wieħed u għoxrin rapport, iżda kien hemm żieda ta’ għaxar rapporti ta’ serq minn djar vojta. Barra minn hekk, is-serq fl-ispazji pubbliċi żdied bi tnax -il rapport meta ikkumparat mas-sena ta’ qabel.
Il-Professur Formosa spjega din l-istatistika u rrimarka kif il-ħallelin iqisu ċertu kalkoli qabel iwettqu reat.
“Mhux sa tmur taqbad u tisraq jew issawwat lil xi ħadd allura jekk ir-riskju jidher li huwa inqas mill-goods li se jirċievu mela allura mmorru għal dawk il-goods. Jekk ir-riskju ikbar, hemm ċans iktar li se tinqabad, mela dak il-crime inqas isir”
Il-kriminologu b’esperjenza żied jgħid li la tgħaddi l-pandemija irridu noqgħodu iżjed attenti għall-kriminalità li taf terġa’ tieħu x-xejra li kellha qabel.