Huma sitta l-każijiet t’abbuż u ksur ta’ proċeduri finanzjarji ta’ Michael Fenech Adami immarkati fir-rapport tal-Bord ta’ Gvernanza Lokali dwar il-mod kif kien imexxi l-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara. Rapport li ddeskriva l-aġir ta’ Fenech Adami, ħu Beppe Fenech Adami, bħala ‘eżempju ċar ta’ gvernanza ħazina’.
Tenders għal xogħolijiet infrastrutturali, għax-xiri u kirjiet ta’ apparat u oġġetti li ngħataw mingħajr l-approvazzjoni tal-kunsill u ftehimiet dwar servizzi li saħansitra saru b’mod verbali.
Ilkoll abbużi li sab il-Bord ta’ Gvernanza Lokali li kienu jsiru mill-ex Sindku ta’ Birkirkara Michael Fenech Adami.
Każ partikolari li ssir referenza għalih fir-rapport tal-Bord huwa dak tal-għoti ta’ tender għat-tindif u l-kiri ta’ għaxar kontenituri li kienu installati f’ diversi postijiet f’ Birkirkara. Il-kirja ta’ dawn il-kontenituri kienet tlaħħaq l-ispiża ta’ 2,809 għall-perjodu ta’ bejn l-2013 u l-2014.
Fl-għotja tal-kuntratt, Michael Fenech Adami ma mexiex mal-proċeduri stabbiliti u mhux biss ma kisibx l-approvazzjoni tal-Kunsill Lokali u s-Segretarju Eżekuttiv ta’ dak iż-żmien ma kienx jaf bl-arranġament tal-kirja, iżda talli qabeż il-limitu ta’ direct orders.
Dan ħareġ ċar minn email li tmur lura f’Novembru tal-2013 li Arthur Pizzuto, li dak iż-żmien kien Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill, bagħat lid-Dipartiment tal-Gvern Lokali, fejn talab gwida f’din is-sitwazzjoni irregolari.
Dan l-arranġament ta’ Michael Fenech Adami, li suppost ma kellu jiswa xejn lill-Kunsill Lokali, għad għandu kontijiet pendenti li se jkollu jagħmel tajjeb għalihom il-kunsill preżenti.
Episodju ieħor t’ abbuż ta’ tmexxija ta’ Fenech Adami huwa marbut mal-ħlasijiet għas-servizz ta’ tbattil ta’ skips u servizzi addizzjonali. Servizz li sewa’ lill-kunsill madwar €3,000 fix-xahar u li Michael Fenech Adami daħal għalih bi ftehim verbali mingħajr ma saret sejħa għall-offerti għal servizz extra- kif rikjest mill-proċeduri finanzjari.
Ir-rapporti tal-awdituri għas-snin 2013 u 2014 ukoll ikkonfermaw li għas-servizz addizzjonali, il-Kunsill kien obbligat, skont il-liġi, li joħroġ sejħa għall-offerti u dan anke biex isib servizz bl-aktar rata vantaġġjuża.
Iżda minħabba l-ftehim verbali, irregolari, ta’ Fenech Adami li injora l-liġi, ir-rata ta’ servizz kuljum, triplat.
Mix-xhieda li ngħatat quddiem il-board irriżulta wkoll li l-istess ammont baqa’ jiġi mitlub anke meta s-sindku attwali, Joanne Debono Grech, kienet ċerta li ma kienx hemm iktar minn 40 skip, li suppost kienu b’ xejn, skont kif indikat fil-kuntratt.
Fid-dawl ta’ dawn l-irregolaritajiet, il-bord ta’ gvernanza ikkundanna “bl-aktar mod kategoriku dan in-nuqqas lampanti fl-infiq ta’ fondi pubbliċi”.