Fis-6 ta’ Diċembru, f’Jum San Nikola, it-tfal tal-Iskola Primarja tas-Siġġiewi liebsu ta’ abbatini, qassisin, tal-Gran Mastru Hompesch u ta’ San Nikola nnifsu biex ħarġu bil-purċissjoni tradizzjonali bl-istatwa żgħira tal-patrun tal-lokal.
Din it-tradizzjoni, li tmur lura bi sbatax-il sena fil-lokalità, tara lil dan il-qaddis jinġarr mit-tfal sal-knisja parrokkjali ddedikata għall-qaddis assoċjat ma’ Santa Klaws minħabba li matul ħajtu kien iqassam ir-rigali bil-moħbi matul il-lejl.
ONE News tkellem mat-tfal, li ħadu sehem f’din il-purċissjoni, fejn kollhom innoċenza u pożittività stqarrew magħna li jinsabu tassew ferħanin u kburin li qed jerfgħu l-istatwa tal-patrun tagħhom.
Il-purċissjoni, li ġiet akkumpanjata miż-żewġ baned Siġġiwin b’diversi marċi brijużi biex komplew iżidu mal-ispirtu tal-festa, bdiet mill-Iskola Primarja u mxiet sal-pjazza tas-Siġġiewi quddiem il-knisja, b’attendenza kbira ta’ adulti li mxew wara t-tfal.