Il-Kanċillier Ġermaniż Olaf Scholz bħalissa jinsab f’Moska sabiex jiltaqa’ mal-President Russu Vladimir Putin bit-tama li tiġi evitata gwerra.
Scholz se jkun qed itenni l-istess messaġġ, li numru ta’ mexxejja tal-Punent diġà għaddew, jiġifieri li huma miftuħa għal djalogu mar-Russja dwar it-tħassib tas-sigurtà, madanakollu jimponu sanzjonijiet jekk ir-Russja tinvadi l-Ukrajna.
Intant, fl-aħħar ħin numru ta’ suldati Russi rritornaw fil-bażi tagħhom wara li lestew l-eżerċizzji militari li għamlu viċin il-fruntiera mal-Ukrajna.
Fil-fatt midja internazzjonali rrapportat li l-Ministeru għad-Difiża qal li din il-mossa tista’ tfisser pass lura minn naħa tar-Russi f’tensjonijiet li qanqlu reazzjoni minn numru ta’ pajjiżi tal-Punent.