Ġuvni ta’ 19-il sena ndarab gravi filwaqt li ieħor ta’ 18-il sena ħelisha ħafif wara li kienu involuti f’inċident tat-traffiku f’Raħal Ġdid.
L-inċident seħħ ilbieraħ filgħaxija, għall-ħabta tal-21:40 fi Triq il-Perit Dom Mintoff, Raħal Ġdid.
Il-Pulizija tad-Distrett marru min nufih fuq il-post, fejn minn stħarriġ preliminari illi sar irriżulta li kien seħħ impatt bejn vettura tat-tip Peugeot 106 misjuqa minn ġuvni ta’ 19-il sena residenti Ħal-Qormi u vettura tat-tip Toyota misjuqa mnn ġuvni ta’ 18-il sena residenti Ħal-Qormi ukoll.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet liż-żewġ xufiera l-Isptar Mater Dei sabiex jingħataw il-kura meħtieġa. Aktar tard, il-ġuvni ta’ 19-il sena ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi filwaqt li l-ġuvni l-ieħor sofra ġrieħi ta’ natura ħafifa.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.