Uffiċjali mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet tar-Reati Finanzjarji (FCID) temmew b’suċċess kors dwar il-Leġislazzjoni tal-Ħasil tal-Flus mil-lat prattiku, offrut mill-Fakultà tal-Liġi fl-Università ta’ Malta.
Il-kors kien intiż biex l-uffiċjali jifhmu aħjar x’inhu l-ħasil tal-flus u kif il-liġi qiegħda tevolvi f’dan irrigward, speċjalment permezz ta’ sentenzi tal-Qrati. Il-Pulizija kellhom ukoll l-opportunità li jiddiskutu kwistjonijiet prattiċi u diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom fix-xogħol.
Il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà qal li l-Korp tal-Pulizija, permezz ta’ dan id-dipartiment, qiegħed ibiddel l-operat b’mod aktar pro-attiv ta’ kif tiġi miġġielda l-kriminalità tal-ħasil tal-flus.
Id-Deputat Kummissarju Alexandra Mamo, qalet li l-Korp tal-Pulizija huwa kommess li jkompli jixpruna lill-membri tiegħu sabiex itejbu l-kwalifiki, kif ukoll jitgħallmu u jaġġornaw ruħhom fuq issuġġett tal-ħasil tal-flus.
Id-Dekan tal-Fakultà tal-Liġi Dr Ivan Mifsud qal li fl-aħħar snin ir-reat tal-ħasil tal-flus żdied u fisser kif dan huwa fenomenu f’kull pajjiż fid-dinja, u llum il-Pulizija tal-FCID għandhom aktar poteri sabiex jiġġieldu dan il-fenomenu.
l-Avukat Stefano Filletti stqarr li t-taħriġ li ngħata lill-uffiċjali tal-FCID huwa bħalma jingħata lill-avukati u għalhekk issa l-Pulizija huma aktar imħarrġin legalment f’dak li għandu x’jaqsam il-ħasil tal-flus.