Il-Budget għas-sena d-dieħla huwa l-aktar Budget li jinvesti fl-isportivi Maltin u Għawdxin.
Dan intqal mis-Segretarju Parlamentari għall-Isport u l-Volontarjat, Clifton Grima waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Malta li rridu għal uliedna’.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet ġewwa l-Kumpless Sportiv tal-Kottonera, is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal kif matul is-sena li ġejja, Sport Malta se tkompli tagħti iżjed artijiet lill-klabbs sportivi madwar pajjiżna.
Qal, “Li ħa jkollna investiment f’dak li huwa kumplessi sportivi, kumpless minnhom huwa wieħed iddedikat b’mod sħiħ għall-isquash u ieħor dedikat għal weighlifting. Żewġ dixxiplini sportivi illi ġabu unuri lejn pajjiżna u issa wasal iż-żmien li nkomplu ninvestu sabiex nassiguraw illi l-appassjonati ta’ dawn id-dixxiplini sportivi jkollhom ċentru denju, li fih jistgħu jitħarrġu, li fih jistgħu jrawmu aktar żgħażagħ jersqu propju lejn dawn id-dixxiplini sportivi.”
Is-Segretarju Parlamentari Grima qal kif pajjiżna għaddej bi preparamenti għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li se jilqa’ sentejn oħra u anke tħejjijiet, hekk kif pajjiżna se jilqa’ l-logħob tal-Ispecial Olympics din is-sena.
Clifton Grima qal kif sas-sena d-dieħla se jitlesta kumpless tat-tennis f’Pembroke u semma wkoll ix-xogħol li għaddej fuq pixxina msaqqfa tal-ogħla livell fil-Kottonera.
Intqal kif fiż-żmien li ġej se tkun inawgurata l-pixxina tas-Sirens u se jibda x-xogħol fuq pixxina tal-waterpolo f’Wied il-Għajn.
Semma kif se ssir it-tieni fażi fix-shooting range f’Ta’ Kandja.
Qal kif b’investiment ta’ għoxrin miljun ewro mill-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali, l-NDSF, il-ħolma tad-dilettanti tal-motorsport se ssir realtà f’Ħal Far, permezz tal-iżvilupp tat-trakka.
Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal kif fis-settur tal-volontarjat se tkun estiża l-iskema li l-għaqdiet volontarji jagħmlu użu minn enerġija rinovabbli u jirċievu għotjiet mill-Gvern.