Ħabta bejn żewġ vetturi fil-Mosta
Ilbieraħ, għall-ħabta tal-erbgħa ta’ waranofsinhar, il-Pulizija ġiet infurmata b’inċident tat-traffiku fi Triq il-Ħtajriet, il-Mosta.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li kienet seħħet ħabta bejn vettura misjuqa minn mara ta’ 29 sena residenti San Ġwann u vettura oħra misjuqa minn mara ta’ 73 sena residenti Raħal Ġdid.
F’waħda minnhom kien hemm ukoll mara ta’ 63 sena residenti Wied il-Għajn u mara ta’ 74 sena residenti Raħal Ġdid.
Il-persuni involuti ngħataw l-għajnuna minn tim mediku u l-passiġġieri li kienu ta’ waħda mill-vetturi ttieħdu l-Isptar Mater Dei b’ambulanza għall-kura.
Aktar tard, il-mara ta’ 74 sena ġiet iċċertifikata li weġġgħet gravi filwaqt li l-mara l-oħra ġiet iċċertifikata li weġġgħet ħafif.
Mara tweġġa’ gravi f’inċident tat-traffiku
F’inċident separat mara ta’ 62 sena u toqgħod Ħal Għaxaq, għal xi sitta tal-bieraħ filgħaxija, ittieħdet l-Isptar Mater Dei wara li weġġgħet f’inċident tat-traffiku f’Dawret Ħal Għaxaq, Ħal Għaxaq.
Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li l-mara ntlaqtet minn Opel Astra, li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 70 sena residenti Ħal Għaxaq ukoll.
Il-mara ngħatat l-għajnuna minn tim mediku, ittieħdet l-isptar b’ambulanza u ġiet ċċertifikat li weġġgħet gravi.
L-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.
Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.
Raġel l-isptar wara inċident fil-Mellieħa
Raġel ta’ 47 sena u joqgħod il-Furjana, qed jingħata l-kura fl-Isptar Mater Dei għal ġrieħi gravi li sofra wara ħabta fi Triq il-Prajjiet, il-Mellieħa.
Ilbieraħ, għall-ħabta tas-sebgħa u nofs ta’ filgħaxija , il-Pulizija ġiet infurmata li kien seħħ inċident tat-traffiku. Il-Pulizija marret mill-ewwel fuq il-post u minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta l-vittma kien qiegħed isuq Smart, tilef il-kontroll u ħabat f’ħajt tassejjieħ.
Il-vittma ngħata l-għajnuna minn tim mediku u ambulanza ħaditu l-Isptar Mater Dei għall-kura
meħtieġa.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.
Inċident tat-traffiku f’Ħal Qormi
Mara ta’ 50 sena residenti Ħal Qormi ittieħdet b’emerġenza l-Isptar Mater Dei, wara li weġġgħet f’inċident tat-traffiku fi Triq Patri G. Spiteri Fremond, Ħal Qormi.
Kienu xi s-sitta neqsin kwart tal-bieraħ filgħaxija, xħin il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza minħabba li kien seħħ inċident.
Il-Pulizija, tim mediku mill-Isptar Mater Dei u membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili marru mill-ewwel fuq il-post, fejn sabu Honda Fit maqluba u maħbuta f’erba’ karozzi li kienu pparkjati.
Il-mara, li kienet ix-xufier tal-Honda, ngħatat l-assistenza medika, ittieħdet l-isptar b’ambulanza u ġiet iċċertifikata li sofriet ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.