Raġel mis-Swieqi jinsab fil-periklu tal-mewt u mara ħelsitha ħafif wara li kienu involuti f’inċident fuq il-baħar bejn il-gżejjer ta’ San Pawl.
Il-każ seħħ għall-ħabta tas-sitta u nofs tal-bieraħ filgħaxija meta seħħet ħabta fuq il-baħar bejn cabin cruiser misjuq minn raġel ta’ sitta u erbgħin sena minn Birkirkara u dinghy misjuq minn raġel ta’ tmienja u ħamsin sena mis-Swieqi u abbord kien hemm ukoll mara ta’ tmienja u ħamsin sena.
Fuq il-post issejħu membri mill-Forzi Armati ta’ Malta fejn taw l-ewwel għajnuna. Il-vittmi ddaħħlu l-art fl-akwati tal-Fekruna fejn sabu jistennewhom numru ta’ ambulanzi u tabib tal-emerġenza.
Minn hemm iż-żewġ persuni mis-Swieqi ttieħdu l-isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa fejn ir-raġel ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu tal-mewt filwaqt li l-mara ġarrbet ġrieħi ħfief.