“Attività li ċċelebrat il-fidi ta’ Knisja żagħżugħa.”
Dan kien il-messaġġ li kellhom grupp ta’ Maltin mis-soċjetà tal-MUSEUM, li ngħaqdu ma’ madwar miljun u nofs żagħżugħ u żagħżugħa minn madwar id-dinja biex flimkien mal-Papa Franġisku, jiċċelebraw is-sebgħa u tletin edizzjoni tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ.
Dan l-istazzjon tkellem ma’ tliet membri fi ħdan din is-soċjetà, permezz ta’ kollegament virtwali, ftit tal-ħin wara li ntemmet il-quddiesa li kkonċelebra l-Papa nnifsu f’Lisbona, fil-Portugall.
Warren Busuttil, li huwa soċju spjegalna kif kienu madwar sitta u għoxrin membru tas-soċjetà tal-MUSEUM, li telgħu l-Portugall għal dan l-avveniment, flimkien ma’ aktar minn sitt mitt Malti u Maltija minn għaqdiet differenti.
Spjega wkoll kif il-kontinġent Malti kellu numru ta’ attivitajiet flimkien li fihom il-Maltin iltaqgħu, fost l-oħrajn ma’ numru ta’ isqfijiet inkluż l-Isqof ta’ Għawdex Anton Tewma, li mexxa d-delegazzjoni Maltija fil-Portugall.
Dan filwaqt li l-attivitajiet issoktaw mal-wasla tal-Papa fil-Portugall l-Erbgħa.
Qal, “Minn mindu l-Papa ġie hawnhekk ġewwa l-Portugall kellna prattikament erba’ attivitajiet. Bdejna f’mument li lqajna lill-Papa, ż-żgħażagħ kollha fiċ-ċentru ta’ Lisbona. Imbagħad, il-Ġimgħa filgħaxija kellna mument ta’ talb kbir ħafna flimkien, fejn tlabna l-Via Sagra hemmhekk ġewwa ċ-ċentru ta’ Lisbona. Imma imbagħad ilbieraħ filgħodu bdejna pellegrinaġġ lejn dan il-post u hawnhekk issetiljajna mal-kumplament taż-żgħażagħ kollha fejn il-Papa ilbieraħ filgħaxija għamilna mument ta’ talb.”
Il-qofol ta’ dan l-avveniment intlaħaq il-Ħadd waqt il-quddiesa li kkonċelebra l-Papa Franġisku u li fiha għadda numru ta’ messaġġi liż-żgħażagħ, kif jispjega l-kandidat tal-MUSEUM, Shaun Portelli.
Qal, “Niftakru li ż-żgħażagħ huma l-futur tal-Knisja Kattolika u tas-soċjetà u aktar ma jqumu fuq tagħhom u jagħmlu affarijiet li jistgħu ikomplu jsaħħu l-Knisja biex tkompli tikber fil-ġenerazzjoni żagħżugħa allura aktar inkunu ta’ ispirazzjoni.”
Dan il-messaġġ jingħaqad ma’ diversi messaġġi oħra li wassal il-Papa, fosthom biex iż-żgħażagħ jisimgħu lil ta’ madwarhom u ma jibżgħux juru l-fidi tagħhom.
Minkejja li l-qofol tal-avveniment intlaħaq f’dawn l-attivitajiet, l-esperjenza ta’ dawk li tkellimna magħhom bdiet fis-26 ta’ Lulju.
Darrel Pace, li wkoll huwa soċju tal-MUSEUM spjegalna kif fil-Portugall kellhom l-opportunità li jqattgħu ħamest ijiem jgħixu ma’ familja Portugiża.
Qal, “Apprezzajna ħafna l-imħabba kbira li rajna, l-akkoljenza li aħna kellna u li bħala familja rajna li ħabbewna daqs li kieku aħna konna parti mill-familja tagħhom.”
Il-Papa Franġisku ħabbar li l-edizzjoni li jmiss tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ se ssir fl-elfejn u sebgħa u għoxrin fil-Korea t’Isfel.