“Normalment ma nikkummentax iżda din iċ-‘ċajta’ tweġġani. Minkejja li llum għandi tifel ċkejken, kellhi żewġ korrimenti. Għalhekk, nissimpatizza ma’ dawk kollha li qed iweġġgħu b’din iċ-‘ċajta’ u ngħidilhom biex qatt ma jaqtgħu qalbhom.”
Dan kien kumment li għamlet mara fuq il-profil ta’ facebook tal-kantanta Ira Losco. Dan wara li l-kantanta esprimiet id-diżappunt tagħha għal ‘ċajta’ li qed titpoġġa fuq il-profili ta’ facebook. Din iċ-‘ċajta’ tikkonsista f’ritratt ta’ ultrasound ta’ żewġ tewmin u l-kliem jgħid li l-persuna li poġġiet ir-ritratt qed tistenna tewmin.
Ira Losco, li llum hija omm, qalet li minkejja li ċajta teħodha, temmen li din iċ-ċajt mhux tad-daħk għal dawk il-koppji li wara bibien magħluqa qed jipprovaw ikollhom it-tfal, qed jagħmlu l-proċess tal-IVF jew qed jipprovaw għall-addozzjoni.
“Iċ-ċajt ma jdejjaqniex iżda ma nemminx li din hija ċajta.”
Kienu bosta li kkummentaw fuq il-profil ta’ Ira, kummenti li kollha kellhom kliem ta’ kundanna għal din iċ-‘ċajta’.