Lejliet il-Jum Dinjiji tal-Ambjent, il-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa b’kolloborazzjoni mal-Port Ħieles u bis-sehem ta’ diversi entitajiet u organizzazzjoniet sportivi fosthom: Aġenzija Żgħażagħ, il-Klabb tal-Waterpolo ta’ Biżebbuġa, St. Peter’s FC, B’Bugia Windmill Fc, il-Klabb tar-Regatta ta’ Birżebbuġa u l-Birżebbuġa Sailing Club saret tindifa fil-Bajja s-Sabiħa u f’Wied il-Buni.
F’din it-tindifa nġabru madwar żewġ boroż taż-żibel mimlija loqom tas-sigaretti, apparti minn hekk inġabru wkoll ’il fuq minn 30 borża bl-iskart.
Saret ukoll operazzjoni ta’ tindif taħt il-baħar fejn numru ta’ bugħaddasa ġabru numru kbir ta’ skart minn qiegħ il-baħar. Dan filwaqt li l-Aġenzija Parks Malta ħadet ħsieb tiġbor l-iskart li nġabar mill-voluntiera kemm mill-art u kif ukoll mill-baħar.
Il-Kunsilliera responsabbli mill-Ambjent u l-Indafa Maria Mifsud saħqet li ħidmet il-Kunsill ta’ Birżebbuġa fejn tidħol l-indafa ma tieqafx. Sostniet li b’mod regolari jsiru operazzjoniet ta’ tindif madwar il-lokalità.
Il-Kunsilliera Mifsud appellat biex ikun hawn iżjed kuxjenza ambjentali.
Min-naħa l-oħra l-Viċi Sindku Scott Camilleri tkellem fuq il-bżonn ta’ aktar infurzar b’mod speċjali fuq minn jarmi l-loqom tas-sigaretti mal-art. Camilleri saħaq kif loqom ta’ sigarrett jieħu ‘l fuq minn 10 snin biex jiddekomponi, b’hekk wieħed irrid joqgħod aktar attent meta jarmi u jieħu ħsieb jagħmel użu mill-bins u l-ashtrays li ġew installati fil-bajja.