Ġenituri ta’ tmienja u tletin tifel u tifla t’etajiet li jvarjaw minn ftit xhur sa adoloxxenti bbenefikaw mis-servizz tac-childcare mingħajr ħlas minkejja li ċ-ċentri ingħalqu minħabba l-imxija tal-COVID-19.
Fl-aħħar għaxar ġimgħat, l-iskola Primarja ta’ San Ġwann ġiet mgħammra apposta biex minnha jingħata s-servizz taċ-childcare lill-ħaddiema tas-saħħa u membri tal-forzi dixiplinati li f’dan il-perjodu ta’ sfida qed ikunu fuq quddiem fil-ġlieda kontra l-imxija tal-Coronavirus.
Waqt żjara li għamel f’dan iċ-ċentru, il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici, rringrazzja lill-ħaddiema taċ-childcare li f’dawn l-aħħar xahrejn kienu ta’ spalla kbira għall-ħaddiema li qed jassiguraw li l-impatt tal-pandemija jkun l-inqas possibbli.
Keith Bartolo, il-Kap tal-Kulleġġ li minnu qed jingħata dan is-servizz spjega illi l-idea kienet ta’ suċċess.
“Il-klijenti tagħna ġew u raw il-miżuri li ħadna ta’ sigurtà u saħħa biex aħna kemm jista’ jkun ipproteġejna kemm lill-istaff u kemm l-istudenti li kellna f’dawn iċ-childcare u sal-lum nistgħu ngħidu, jien inħoss li kien suċċess, kienu suċċess iż-żewġ ċentri”
Ftit tal-jiem ilu, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar illi l-ftuħ taċ-childcare centres se jkunu parti mill-miżuri li jmiss, u għalhekk il-Ministru Bonnici flimkien mal-awtoritajiet tas-saħħa qed jiddiskutu l-mod li bih se joperaw dan iċ-ċentri.
“Bħalissa għadejjin it-taħdidiet mal-awtoritajiet tas-saħħa sabiex naqblu fuq il-protokolli li għandna bżonn napplikaw”
Is-servizz taċ-childcare f’San Ġwann qed jiġi offrut mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u ttieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa skont il-pariri tal-Awtoritajiet tas-Saħħa biex jitħarsu kemm it-tfal u kemm dawk li jieħdu ħsieb it-tfal skont protokolli apposta.