Il-Unjin tal-għalliema qed tistenna analiżi tas-sitwazzjoni mill-awtoritajiet tas-saħħa.
Dan wara li lbieraħ filgħaxija ħabbret strajk tal-edukaturi għal-lum u għada.
L-MUT iddikjarat li l-istrajk huwa ta’ suċċess kbir.
Min-naħa l-oħra, numru ta’ ġenituri xorta bagħtu l-uliedhom l-iskola u numru wkoll ta’ edukaturi daħlu għax-xogħol.
Fil-fatt Kap ta’ skola indipendenti saħaq li fetaħ l-iskola u kuntent li kważi l-edukaturi kollha daħlu għax-xogħol.
“Xogħolna hu li nedukaw u li nieħdu ħsieb lit-tfal waqt li jkunu l-iskola”, saħaq Kenneth Busuttil, Kap tal-iskola Mariam Al Batool.
It-Thi Lakin School, skola privata oħra f’Ħ’Attard qalet ukoll li llum u għada se tkun qed topera b’mod normali.
Assistent Kap ta’ Skola oħra saħaq li għalkemm hu membru tal-MUT xorta dieħel għax-xogħol għax il-ġid tal-istudenti jiġi l-ewwel.
Dan filwaqt li Kap ta’ Skola qalet li sejra għax-xogħol bħal kull ħaddiem ieħor.
L-MUT qalet li ma taqbilx li l-iskejjel kellhom jiftħu għal dawn il-jumejn wara l-btajjel tal-Milied.
Mistoqsi minn ONE News dwar x’kien il-parir tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, il-President tal-MUT Marco Bonnici qal li l-Professur Gauci ma qalitx li l-iskejjel għandhom jingħalqu.
Min-naħa tiegħu, il-Gvern qal li f’laqgħa bejnu u l-Unjin tal-Għalliema f’Kastilja, ir-rappreżentati tal-għalliema semgħu direttament lis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, tgħidilhom illi l-awtoritajiet tal-edukazzjoni u tas-saħħa qed jaħdmu id f’id biex jinfetħu l-iskejjel, kuntrarjament għal dak li qalet l-istess unjin.
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Edukazzjoni qal illi mexa mal-parir tal-awtoritajiet tas-saħħa biex illum fetaħ l-iskejjel kif ippjanat.
Il-Gvern saħaq li l-MUT qed tmur kontra l-parir tal-awtoritajiet tas-saħħa, liema parir ingħad ukoll pubblikament.
Il-Gvern aċċenna wkoll li l-edukazzjoni tat-tfal hija prijorità kif inhi s-saħħa pubblika, u d-deċiżjonijiet kollha jittieħdu fl-interess ta’ ulied il-Maltin u l-Għawdxin.
Il-Gvern saħaq ukoll li d-deċiżjoni tal-MUT, li tinjora l-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa hija meqjusa bħala waħda mhux leġittima.