Numru ta’ deputati Nazzjonalisti pubblikament ħarġu għonqhom għal Alex Borg. Dan wara li nhar il-Ħadd, id-Deputat u Kelliem Nazzjonalista għal Għawdex ġie deskritt minn ħaten Beppe Fenech Adami u qrib l-għaqda Repubblika, Kevin Cassar, bħala Żiemel ta’ Trojja f’artiklu t’opinjoni fil-Malta Independent.
Dan l-attakk ikkordinat mill-fergħa estremista Nazzjonalista hu simili għal kif l-establishment fil-Partit kien għajjar lil Adrian Delia, ftit qabel tqaċċat minn Kap.
Delia wkoll wera solidarjetà mad-deputat żagħżugħ Għawdxi, li kif inhu sew magħruf hu meqjus bħala l-filjozz tiegħu.
Hu saħansitra qal li minn dan l-attakk, li ġie minn dawk li qaċċtulu rasu mill-ogħla kariga fil-Partit, se jispiċċa jsaħħaħ aktar lil Alex Borg.
Għal din il-kitba, id-Deputat Għawdxi wkoll irringrazzja lil Delia għas-sapport tiegħu, b’dak jerġa’ jwieġbu li għal xejn b’xejn qed jagħmlulu hekk u ħeġġu billi jgħidlu li “ara ma taqtax qalbek”.
Fost dawk li kkummentaw fuq il-kitba ta’ Delia, kien hemm ukoll Emmanuel J. Galea, missier is-sieħba ta’ Delia stess.
Fl-aħħar ġimgħat, il-kunjatu ta’ Delia attakka pubblikament kemm-il darba lit-tmexxija ta’ Bernard Grech, fejn, fost oħrajn, qal li m’għandux viżjoni u li mhuwiex mexxej li jista’ jispira xi darba.
Ma’ Delia ngħaqdu wkoll id-Deputati Ivan J. Bartolo, Joe Giglio u Charles Azzopardi li lkoll urew is-solidarjetà ma’ Alex Borg u kontra l-attakki tal-estremisti fi ħdan l-istess Partit.
Ivan J. Bartolo, li diġà ħabbar li mhux se jikkontesta għall-elezzjoni ġenerali li jmiss, tkellem dwar dan l-episodju wkoll.
Kiteb ukoll Joe Giglio, li mhu xejn qrib l-establishment. F’kitba fuq il-midja soċjali, Giglio sejjaħ dawn l-attakki bħala bla sens.
Id-Deputat Nazzjonalista Charles Azzopardi qal li, jekk il-Partit Nazzjonalista mhux se jiġbed ħabel wieħed, kif ċertament mhumiex, għalxejn jittamaw f’dik li sejjaħ bħala “bidla”.
Bħalma għamel lil Delia, Alex Borg irringrazzja lil dawn id-deputati Nazzjonalista kollha li qabżu għalih.
S’issa l-Partit Nazzjonalista jew il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech, li wkoll qed jitmexxew mill-fergħa tal-establishment, għadhom ma ħarġu jew għamlu l-ebda stqarrija uffiċjali dwar dan.
Dan fl-istess jiem li, bil-maqlub, inħarġet stqarrija uffiċjali, iffirmata mill-Kap de facto Karol Aquilina u mingħajr l-approvazzjoni ta’ deputati oħrajn, li ddefendiet bl-aktar mod qawwi lill-eks Deputat u Avukat tal-għaqda Repubblika, Jason Azzopardi, dakinhar li ġie kkundannat mill-Qorti.