Ta’ kull sena l-isptar Mater Dei jagħti l-kura lil numru ta’ anzjani li jinħakmu minn kesħa ixoqq il-għadam. F’dawn l-aħħar jiem, fejn il-kesħa kompliet tagħmel tagħha, xejn b’inqas.
Il-kesħa tkidd lil bosta iżda fuq dawk fost l-aktar vulnerabbli jaf tħalli effetti irreparabbli.
ONE News tkellem mal-Professur Charmaine Gauci li spjegat l-effetti tal-kesħa li jistgħu jwasslu għal problemi ta’ saħħa b’mod speċjali fost l-anzjani.
Dr Gauci spjegat: “L-iktar problema li naraw hija meta jkollok kesħa qawwija ħafna jkollok persuni li t-temperatura tal-ġisem tagħhom tinżel, dik li ngħidulha l-hypothermia. Barra minn hekk ukoll meta tibda nieżla t-temperatura nafu li taffettwa wkoll il-mard tal-qalb. Meta tkun kesħa ħafna l-arterji jagħmlu dak li jgħidulu vasoconstriction fejn jingħalqu allura hemmhekk ikun hemm inqas ċirkolazzjoni għall-qalb u allura jkun hemm iktar riskju ta’ heart attack. Allura nafu li fil-kesħa persuni tonqsilhom l-immunità u jkunu iktar susceptible li jaqbduhom infezzjonijiet.”
Hi stqarret li ħafna nies jirrikorru għal metodi tradizzjonali li ħafna drabi jagħmlu iktar ħsara milli ġid: “Infatti ħafna nies ġieli jirrikorru għal mezzi li mhumiex daqshekk tajbin għas-saħħa biex jippruvaw isaħħnu l-ġisem tagħhom. Fosthom hemm l-alkoħol li nafu li l-alkoħol jagħmel iktar ħsara filfatt fil-kesħa milli kieku inti tuża mezzi oħra biex tipproteġi ruħek minnhom. Infatti l-persuni importanti li jekk m’għandniex għalfejn noħorġu speċjalment bħall-ġranet kesħin tal-lum importanti aħjar noqogħdu ġewwa.”
Il-Professur Gauci saħqet li n-nies għandhom jieklu ikel sħun u għandhom jilbsu aktar ħwejjeġ flok ftit ħwejjeġ li jkunu ħoxnin. Hija sostniet: “It-temperatura tad-dar għandha tkun minn tal-inqas 18 degrees centigrade. Ma tistax tkun inqas minn hekk għaliex hekk tkun qed tagħmel ħafna ħsara. Xi ħaġa importanti ħafna wkoll hi li jekk tkun ix-xita hemm ċans kbir li tixxarrab allura importanti li xħin tmur id-dar tneħħi mill-ewwel il-ħwejjeġ peress li jekk inti żżomm il-ħwejjeġ u jkunu kesħin miegħek u jkunu mxarrbin, hemm iktar riskju.”
Charmaine Gauci għamlet ukoll aċċenn dwar il-ħtieġa li tieħu t-tilqima kontra l-marda tal-influwenza.