L-Erbgħa filgħodu saret iċ-ċerimonja tal-ftuħ uffiċjali tas-sena akkademika fl-MCAST.
Il-bini tal-MCAST f’Raħal Ġdid reġa’ beda jilqa’ fih l-istudenti hekk kif qabel it-tagħlim kellu jsir mid-dar.
Infatti, bosta kienu ħerqana li jirritornaw.
L-istudenta Valentina Caruso qaltilna: “Is-sena l-oħra ħafna mil-lezzjonijiet għamilnihom online u minħabba engineering jkollok ċertu prattika u meta tiġi għall-hands on experience tħossha naqra diffiċili biex tqabbad ċertu components u tuża ċertu ICs, mid-dar li jkollok it-teacher qed tgħallmek mhix l-istess bħal meta qegħdin face-to-face u qed jgħidlek it-troubleshooting u x’qed jiġri madwarek.”
Din l-istudenta tenniet illi l-għażla naturali tagħha wasslitha biex tistudja fl-MCAST għaliex dan il-Kulleġġ jippreparaha għad-dinja tax-xogħol.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana żaret il-kampus fil-ftuħ uffiċjali u saħqet fuq il-punt li l-edukazzjoni tirrelata mad-dinja tax-xogħol.
Hija stqarret: “Għaddejja ħidma kbira mall-komunità kummerċjali għaliex qed nassiguraw li jkun hemm intiża bejn dak li qed jiġi offrut hawnhekk mal-ħtiġijiet illi hemm fid-dinja ekonomika u finanzarja li għandna ġewwa pajjiżna. Jiġifieri qed naraw l-esiġenzi ekonomiċi li jiġu abbinati wkoll ma’ dak li qed jiġi offrut mill-MCAST.”
Il-Prinċipal tal-MCAST il-Professur James Calleja spjega li din is-sena fl-MCAST hemm numru rekord ta’ studenti full-time; fil-fatt in-numru jiżboq is-sebat elef student, bi ftit aktar minn elf huma studenti barranin.
Huwa qal,“Għalhekk qed ngħidu li l-MCAST huwa community college for all għaliex propju aħna nieħdu r-riżorsa tagħna mill-komunità u nerġgħu nroddu lura lill-komunità din ir-riżorsa.”