Ġew sottomessi numru rekord ta’ proġetti għar-raba’ edizzjoni tal- Malta Architecture and Spatial Planning (MASP) Awards tal-2022. Il-MASP Awards, li torganizza l-Awtorità tal-Ippjanar, jirrikonoxxu u jippremjaw proġetti ta’ arkitettura u disinn kontemporanji li jispikkaw għall-kreattività, l-innovazzjoni, u s-sengħa tagħhom.
Din is-sena, l-Awtorità rċeviet aktar minn sottomissjoni ta’ mitt proġett, mifruxa fuq tnax-il kategorija, minn periti u kumpaniji tal-arkitettura u tad-disinn stabbiliti sew, kif ukoll millġenerazzjoni li jmiss ta’ periti u interior designers. Iż-żewġ kategoriji l-aktar popolari, b’aktar minn għoxrin sottomissjoni, huma fl-Arkitettura Interna għal Bini Kummerċjali jew Pubbliku, u l-Kunċett tal-Ippjanar Urban.
Għal darb’oħra, din is-sena, il-ġurija ser tkun magħmula minn numru ta’ professjonisti ta’ profil għoli fi ħdan l-industrija. Barra minn hekk, jinħatru wkoll esperti tekniċi għal kull kategorija biex jassistu lill-ġurija fl-evalwazzjoni.
Il-pubbliku jista’ jivvota wkoll għall-proġett favorit tiegħu bejn l-20 ta’ Frar u t-12 ta’ Marzu Il-votazzjoni ser issir online permezz tal-website tal-MASP Awards: www.maspawards.com. Il-proġett li jirċievi l-ogħla numru ta’ voti ser jirbaħ l-unur tal-Vot Pubbliku.
Ir-rebbieħa jitħabbru waqt ċerimonja ta’ premjazzjonijiet li ser issir nhar is-Sibt, l-1 ta’ April 2023.