Skejjel tal-gvern fl-Ingilterra wissew li dalwaqt mhux se jkunu aktar f’pożizzjoni li jfendu minħabba problemi serji finanzjarji u mistennija jibdew ikeċċu l-għalliema magħhom jew ma jingaġġawx ħaddiema ġodda minflok dawk li jirtiraw.
Raġuni ewlenija għal dawn il-problemi kienet iż-żieda qawwija fil-kontijiet tal-enerġija u anke ż-żieda fil-pagi tal-ħaddiema.
Rapport fil-gazzetta rinomata The Guardian żvela li hemm rekord ta’ skejjel tal-istat li jinsabu f’defiċit u diġà mġebbdin sal-limitu ma jafux kif se jiffrankaw il-flus, b’żidiet ta’ studenti u studenti b’diffikultajiet li jeħtieġu għajnuna supplimentari.
B’dawn l-akbar problemi li qed jiffaċċjaw, l-iskejjel qed jgħidu li m’għandhomx għażla ħlief li jibdew jippjanaw is-sensji jew ma jimpjegawx ħaddiema ġodda biex jieħu post dawk li jirtiraw jew jirriżenjaw biex jipprovaw jilħqu bilanċ finanzjarju.
Jirriżulta li minn studju, li ġie ppubblikat mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni x-xahar li għadda, li skola tal-Gvern minn kull tmienja kienu f’defiċit bejn l-2022 u l-2023 fl-Ingilterra, ammont li qed jitqies bħala rekord mindu l-iskejjel ngħataw f’idejhom il-kontroll tal-kontijiet bankarji tagħhom lura fl-1999.
Din hi qabża sinifikanti minn skola minn kull 13, li kienu f’defiċit sena qabel.
Il-problemi finanzjarji għall-iskejjel tal-istat ilhom jiggravaw sena wara oħra mindu l-Partit Konservattiv Ingliż ħa l-poter fl-2010. Fil-fatt fl-2011, skola minn kull għoxrin kellhom diffikultajiet serji finanzjarji.