Sa Ottubru ta’ din is-sena saru ħmistax-il elf, mitejn u seba’ konvenji u wieħed u għoxrin elf, mitejn u tlettax-il kuntratt tal-bejgħ tal-propjetà.
Dan ħareġ minn tweġiba li ta fil-Parlament il-Ministru għall-Finanzi u Xogħol Clyde Caruana.
Dawn in-numri juru żieda sostanzjali minn fuq is-sena ta’ qabel, hekk kif matul l-2020, in-numru ta’ konvenji ammontaw għal tlettax il-elf, tmien mija u sebgħa u tmenin filwaqt li kien hemm sittax-il elf, tlieta mija u tliet kuntratti għal bejgħ ta’ propjetà.
Iż-żieda ġejja għall-fatt li fil-Pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomika wara li faqqgħet il-pandemija, il-Gvern kien naqqas it-taxxa tal-boll għal proprjetajiet li ma jaqbżux l-erba’ mitt elf ewro.
Wara suċċess qawwi li kellha din il-miżura, il-Prim Ministru Robert Abela f’Ġunju li għadda kien ħabbar l-estensjoni tagħha.
Jiġifieri ġiet estiża għal min jagħmel konvenju sal-aħħar ta’ din is-sena u kuntratt finali sa Ġunju li ġej.
L-aktar xahar li fih saru konvenji din is-sena kien f’Marzu, b’elfejn u mija u tmienja.
Min-naħa l-oħra imbagħad Lulju ra l-akbar ammont ta’ kuntratti ta’ bejgħ, b’elfejn, sitt mija u wieħed.
Il-miżura ta’ tnaqqis fit-taxxa tal-boll, apparti l-eżenzjoni tat-taxxa tal-boll fuq ċertu ammont mill-prezz tal-proprjetà kien ġiet imfaħħra minn bosta, fosthom mill-Assoċjazzjoni Maltija għall-Iżviluppaturi, li kienet qalet kif matul il-pandemija din l-industrija baqgħet tħaddem ’il fuq minn erbgħin elf ruħ.